Il-Kunċert Annwali fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Santa Ċeċilja organizzat mill-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda din is-sena ser jittella’ nhar il-Ħadd 3 ta’ Diċembru fis-7:00pm fit-Teatru Manoel, taħt il-patroċinju tal-E.T. George Vella, President ta’ Malta.
Il-Kunċert Mużikali se jittella’ mill-Banda Ċittadina Sliema taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Mro Lesley Tabone.
Din is-sena l-kunċert se jimmarka il-100 Sena Anniversarju mit-twaqqif tas-Soċjetà Filarmonika Sliema li kien iċċelebrat matul din is-sena.
Il-mużika li se tindaqq hija waħda impenjattiva ferm, kemm ta’ kompożituri lokali bħal l-ex surmastrijet diretturi tal-Banda Sliema Joseph Galea u Ronnie Debattista u oħrajn b’rabta ma’ din is-soċjetà Joseph Magri u Joseph Sammut, kif ukoll barranin bħal Gustav Mahler, Lorenzo Pusceddu, Willy Hautvast, Alexander Borodin, Jacob De Han u Cardenio Botti, kompożitur tal-popolari Inno Sliema biċ-Celebre Marcia rregalata minnu lil din is-soċjetà.
Id-dħul għal dan il-kunċert huwa mingħajr ħlas u l-biljetti jistgħu jinkisbu billi wieħed iċempel fuq 99443460 jew 99447434 jew tintbagħat email lis-Soċjetà Filarmonika Sliema fuq bandasliema@gmail.com .