Bob Marley, Elton John u d-DJ Taljan Gigi D’Agostino, it-tlieta ta’ fama internazzjonali magħrufin għal stili differenti ta’ mużika, jingħaqdu flimkien fuq karru mħejji mit-Triton Carnival Company, u li fil-ħamest ijiem tal-Karnival se jkun qiegħed idur fit-toroq ewlenin tal-Belt Valletta u l-Furjana.
Sigħat twal ta’ ħidma, u eluf ta’ ewro minn buthom biex għall-jiem tal-Karnival iferrħu lil eluf ta’ persuni, li bħal kull sena jikkonkorru għall-avveniment tradizzjonali u l-attivitajiet marbutin miegħu.
Fil-maħżen tal-kumpanija fil-Marsa tinħass il-passjoni kbira għall-Karnival fejn jispikkaw il-kuluri, il-kreattività tal-karattri u l-istorja li jgħid dan il-karru.
Tkellimna ma’ Joswa Borg, li spjega li bħalissa għaddej xogħol intensiv, bil-voluntieri jqattgu anke ljieli għaddejjin bix-xogħol.
Fit-tema fantażjuża magħżula mill-kumpanija għal din is-sena xtaqu li jgħaqqdu kunċert kbir bid-DJ Taljan Gigi D’Agostino, li kien ukoll żar pajjiżna fl-imgħoddi, imdawwar b’diversi kantanti rinomati u l-mużika tagħhom li tawna mal-milja taż-żmien.