Il-Banda Vilhena tal-Furjana se ttella’ programm mużikali strumentali fit-Teatru Manoel il-Ħadd li ġej biex tfakkar avveniment storiku tal-150 sena mindu twaqqfet.
Il-President tal-istess banda spjega lil ONE News kif huma ilhom ifakkru dan l-anniversarju, imma issa se jilħqu l-qofol permezz ta’ attività, li se tkun imżewqa iżjed mis-soltu.
“Din is-sena, is-Soċjetà Filarmonika Vilhena qed tfakkar il-150 sena mit-twaqqif tagħha u, bħala kumitat u bħala soċjetà, iddeċidejna li nagħmlu programm profond ta’ ċelebrazzjonijiet, li beda minn Jannar li għadda u jibqa’ sejjer sal-aħħar tas-sena. Fosthom, jilħaq l-ogħla livell ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet se jkun il-kunċert li l-banda se tagħmel fit-Teatru Manoel.”
Il-programm mużikali fil-post, li hu msemmi proprju għall-Gran Mastru Manoel de Vilhena, se jitwettaq taħt id-direzzjoni tas-Surmast u d-Direttur tas-Soċjetà, Maestro George Debono, flimkien mal-bandisti, l-Amadeus Chamber Choir u t-tenur Brian Cefai, waqt li l-preżentazzjoni se tkun ta’ George u Elisa Cassar.
Is-surmast tas-soċjetà wkoll qal kif dawk kollha li se jattendu se jesperjenzaw xogħlijiet mużikali storiċi, flimkien ma’ oħrajn aktar moderni … xogħol li għandu jolqot il-gosti ta’ ħafna.
Aktar tagħrif dwar dan l-avveniment jinkiseb minn fuq il-midja soċjali tas-Soċjetà Filarmonika Vilhena.