Fl-okkażjoni tal-125 sena mit-twaqqif tagħha, is-Soċjetà Filarmonika G. M. Fra Antoine De Paule, Banda Kristu Re A.D. 1898 għażlet li ttella’ kunċert mużikali fil-Bażilka ta’ Kristu Re, f’Raħal Ġdid, taħt il-patroċinju tal-President George Vella.
Kien fl-20 ta’ Ġunju tal-1898 li fetaħ l-ewwel każin tal-banda f’Raħal Ġdid, bl-inizjattiva ta’ Dun Carm Bologna, ir-Rettur tal-Knisja ta’ Sant Ubaldeska. Isem il-banda kien Gran Maestro Fra Antonio De Paula, waqt li f’Jannar tal-1993 kien ġie deċiż li s-soċjetà tkun iddedikata lil Kristu Re u għalhekk ħadet l-isem ta’ Soċjetà Filarmonika G.M. Fra Antoine De Paule Banda Kristu Re.
Matul iż-żminijiet l-għanijet tas-soċjetà baqgħu ma nbidlux, primarjament it-tagħlim tal-mużika u s-sehem tal-banda f’festi u attivtajiet kulturali f’Raħal Ġdid u fi bliet u rħula oħrajn f’pajjiżna. Fl-aħħar kwart tas-seklu l-banda ukoll firxet l-attività tagħha lil hinn minn xtutna u daqqet f’pajjiżi bħall-Istati Uniti, il-Kanada, l-Awstrija, l-Ungerija, il-Ġermanja u Franza.
Għall-kunċert, li se jittella’ llejla mis-7:30 p.m. ’il quddiem fil-Bażilika ta’ Kristu Re, il-banda se tkun taħt it-tmexxjia tas-Surmast David Joseph Sammut u se jindaqqu siltiet mużikali minn xogħolijiet ta’ Colombier, Mangani, Morricone, De Haan, Vangelis, Lloyd Weber, Handel u Mascagni, fost oħrajn. Tkanta s-sopran Ruth Sammut Casingena.
Waqt li d-dħul hu b’xejn, kulħadd mitlub ikun bilqegħda sas-7.15 p.m.