Il-Banda Konti Ruġġieru tar-Rabat se tkun qed ittella’ kunċert bl-isem ta’ ‘Masters of Melody’, liema kunċert se jittella’ nhar is-Sibt 15 ta’ Marzu, fuq is-swar De Redin, ġewwa l-Imdina. Dan il-kunċert se jkun wieħed innovattiv u differenti minn kunċerti oħra tradizzjonali, fejn se jinkorpora fih żfin, kif ukoll proġezzjonijiet multi-dimensjonali fuq is-swar tal-Imdina.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, id-Direttur Artistiku Alan Fenech spjega kif dan il-kunċert se jkun wieħed imżewwaq għax se jgħaqqad il-mużika tal-banda maż-żfin u l-proġezzjonijiet fl-isfond tal-belt l-antika tal-Imdina u l-Katidral. Spjega li se jinkludi fih numru ta’ artisti li flimkien se jgħatu ħajja lil siltiet mużikali antiki li l-Banda Konti Ruġġieru għandha fl-arkivji tagħha, fejn dawk li jattendu barra li jisimgħuhom, se jkunu qed jaraw wkoll il-viżwal marbuta magħhom.

Min-naħa tiegħu l-Assistent Surmast Mark Vella spjega li s-siltiet magħżula se jagħtu ġieħ lis-Surmastijiet li kellha s-Soċjetà, fosthom Vincenzo Ciappara u l-Professur Joseph Vella, li llum m’għadhomx magħna. Iżda qal li fost is-siltiet mużikali, hemm ukoll dawk ta’ Surmastijiet aktar riċenti li din il-banda kellha u bandisti li għad għandha. Qal kif li minħabba dan, intgħażel l-islogan ‘jgħaqqad il-passat mal-futur’.
Fil-kummenti li taw f’isem l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Baned, Dr. Noel Camilleri u Joseph Bugeja, qalu li dan il-kunċert hu parti minn sensiela ta’ kunċerti li se jitgħellgħu matul din is-sena u li għandhom l-għan li jagħtu l-ħajja lil siltiet mużikali li ma għadhomx jindaqqu, iżda fl-istess ħin jagħtu ġieħ lill kompożituri u mużiċisti Maltin u Għawdxin. Żiedu jinnuttaw b’sodisfazzjoni li l-Banda Konti Ruġġieru għażlet li tmur oltre u żżewwaq il-mużika mal-arti viżiva.
Il-President tas-Soċjetà Antoine Borg qal li dan il-kunċert se jitgħella bil-kollaborazzjoni tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, il-Kunsill Malti għall-Arti, il-Kapitlu Metropolitan tal-Imdina u l-Għaqda Każini tal-Baned. Min-naħa tiegħu, huwa rringrazzja lill-artisti u mużiċisti kollha, li qed jaħdmu taħt iddirezzjoni ta’ Mark Vella u Alan Fenech, li bħalissa għaddejjin bil-provi biex nhar is-Sibt 15 ta’ Marzu jagħtu wirja mill-isbaħ lil dawk kollha li se jattendu.
Il-biljetti għal dan il-kunċert jistgħu jinxtraw, minn fuq is-sit www.showshappening.com għal prezz ta’ €10.00, sal-Ħamis 13 ta’ Marzu 2025. F’każ ta’ maltemp il-kunċert se jkun qed isir f’data oħra f’April.