Il-Għaqda Kulturali Nazzjonali Maltija, din is-sena bi ħsieba torganizza Kunċert Sinfoniku f’ġieħ is-Surmast Carmelo Caruana. Dan il-Kunċert Sinfoniku sejjer isir fl-okkazjoni tal-15-il sena mill-mewt ta’ Carmelo Caruana nhar is-Sibt 18 ta’ Jannar 2020, liema Kunċert Bandistiku sejjer isir fit-teatru Sir Temistokele Zammit tal-Università ta’ Malta u li jibda fis-7:30 ta’ filgħaxija.
Dan huwa it-tielet Kunċert mis-sensiela “F’ġieħ is-Surmast Carmelo Caruana”. Dan peress li l-ewwel Kunċert kien organizzat mill-Każin tal-Banda Lourdes ta’ Paula nhar il-Ħadd 17 ta’ Jannar 2010, fl-okkazjoni tal-5 sena mill-mewt ta’ Carmelo Caruana. Dan il-Kunċert sar fit-Teatru tal-MCAST f’Raħal il-Ġdid. Il-mużika li ndaqqet kien hemm xi kompożizzjonijiet tas-Surmast Carmelo Caruana stess u l-arranġamenti tiegħu, biex insemmu xi wħud, indaqqet “Selection” mill-Opra “La Gioconda” ta’ Amilcare Ponchielli, liema arranġament is-Surmast Carmelo Caruana daħħal il-famuża “Danza delle Ore”; u l-Ewwel Moviment kollu mis-Sinfonija “Fantastique” ta’ Hector Berlioz. Peress li s-Surmast Carmelo Caruana kien Surmast Direttur ta’ 4 baned u Surmast Onorarju ta’ diversi Każini tal-Banda, il-Każini kienu mistiedna sabiex f’tal-kunċert, il-Kumitati jibgħatu r-rappreżentati tagħhom bl-istandard rispettiv.
It-Tieni Kunċert “F’ġieħ is-Surmast Carmelo Caruana” kien organizzat kollu kemm hu mit-tifel tiegħu stess Joseph Caruana li ħa ħsieb l-organizzazjoni kollha u d-direzzjoni tal-Banda tal-Kunċert. Dan il-Kunċert Bandistiku sar fit-Teatru tal-Iskola Primarja (Kulleġġ Sant’ Injażju) ta’ Ħal Luqa nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Jannar 2015. Dan il-Kunċert sar bl-għajnuna tal-Każin tal-Banda Sant’Andrija li kkonċedew is-Sala tal-Każin għall-provi tal-Banda u l-istrumenti tal-perkussjoni. Kif kien sar fl-ewwel kunċert “F’ġieħ is-Surmast Carmelo Caruana”, Joseph Caruana għażel il-mużika kompożizzjonijiet jew arrangement tas-Surmast Carmelo Caruana u fost il-mużika li ndaqqet kien hemm l-Overture Giubileo ta’ Carmelo Caruana, u seba’ Overtures mill-Opri fosthom: Don Giovanni ta’ Mozart; I Cavalieri di Malta ta’ Anton Nani; Poet and Peasant ta’ Suppè u oħrajn.
Din id-darba, Il-Għaqda Kulturali Nazzjonali Maltija mmexxija mill-fundatur tagħha Josef Grech, qiegħed jieħsu ħsieb l-organizzazzjoni fil-waqt li l-mużika, li sejra tkun b’Ħaż-żewġ kunċerti preċedenti, jiġifieri il-mużika li tindaqq tkun kollha kemm hi arranġamenti tas-Surmast Carmelo Caruana, liema mużika qiegħdin tkun indokrata mit-tifel tiegħu Joseph Caruana li qiegħed jieħu ħsieb l-aspett mużikali ta’ tali Kunċert. Din id-darba għal-għeluq il-15-il sena mill-mewt tas-Surmast Caruana, il-Kunċert sejjer ikun sui generis għal-Malta. Dan fis-sens li l-idea ta’ Josef Grech kienet li jidderieġu sitt Surmastrijiet Diretturi.
Il-Kunċert Sinfoniku ta’ Jannar 2020 sejjer ikun dirett minn Mro. Nicholas Vella – Direttur Mużikali Każin Banda San Nikola – Siġġiewi, Soċjetà Mużikali tal-Karmnu – Balluta. Mro. Johan Debattista – Direttur Mużikali Għaqda Mużikali Sant Anna – Marsaskala, Mużikali Għaqda Mużikali u Soċjali Madonna tal-Karmnu – Fgura. Dr.John Galea – Direttur Mużikali Soċjetà Filarmonika King’s Own – Valletta u Soċjetà Filarmonika La Stella – Rabat Għawdex. Mro Josef Grech – Direttur Mużikali Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. – Żurrieq. Żewġ surmastrijiet oħra li huma: Josef Grech, l-organizzatur u Joseph Caruana t-tifel tas-Surmast Carmelo Caruana. Naħseb li għalhekk tali Kunċert huwa sui generis għal-Malta, għax ma jidhirlix li qatt sar Kunċert Sinfoniku f’Teatru f’Malta li kien dirett minn sitt Surmastrijiet Diretturi. Il-mużika hija kollha kemm hi arranġamenti tas-Surmast Carmelo Caruana ħalla aktar minn 500 arranġamenti għal Banda Sinfonika. Biex ngħidu x’wieħed sejjer jisma meta jattendi għal dan il-Kunċert uniku hemm sitt Overtures kompożizzjoni ta’ Bellini, Tchaikowsky, Rossini, Beethoven, Verdi u Paolino Vella u sejjer ikun hemm żewġ biċċiet mużika oħra ta’ Tchaikowsky, u Gounod. Mill-għazla tal-mużika wieħed jista’ jara li sejjer ikun kunċert impenjattiv mhux ħażin kemm għal banda kif ukoll għall-organiżżaturi.
Għalhekk kull min għandu tali mużika għal qalbu ma għandux jitlef dan il-Kunċert Sinfoniku minn Banda li l-bandisti kollha kemm huma sejrin ikunu Bandisti bravi Maltin. Dan il-Kunċert sejjer isir nhar is-Sibt 18 ta’ Jannar 2020 fis-Sala Sir Temistokele Zammit fl-Università ta’ Malta li sejjer jibda fis-7:30 ta’ filgħaxija. Id-dħul għal tali kunċert sejjer ikun bla ħlas u bla biljetti, għalhekk l-udjenża hija ġentilment mitluba li sas-7:15 ta’ filgħaxija tkun bilqiegħda f’posta.
Dan il-kunċert ser jiġi organizzat b’risq Dar Bjorn.