Nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Mejju fid-21:00, Pjazza San Franġisk fir-Rabat se tieħu l-ħajja b’mużika tal-passat, hekk kif se jerġa’ lura l-kunċert Memorji għat-tielet edizzjoni tiegħu.
Dan il-kunċert b’xejn huwa ċelebrazzjoni tal-wirt mużikali għani ta’ Għawdex, li jgħaqqad kompożizzjonijiet lokali maħbubin u oħrajn kważi minsija, ma’ klassiċi internazzjonali.

L-edizzjoni ta’ din is-sena għandha sinifikat speċjali: timmarka l-50 anniversarju tad-diska’ Xemx ta’ The Tramps, waħda mill-aktar kanzunetti ikoniċi ta’ pajjiżna.
Miktuba fis-snin 70 mill-mibki Domenic Grech għall-maħbuba tiegħu (aktar tard martu) Pauline u ddedikata lill-Madonna, Xemx kibret fil-popolarita’ matul is-snin, u saret parti mill-wirt mużikali u emozzjonali tal-pajjiż.
Din is-sena wkoll, il-kunċert Memorji jinkludi line-up ta’ kantanti magħrufin, fosthom Ivan Grech, Pamela Bezzina, Daniel Cauchi, Sarah Bonnici, u John Cassar (il-Cash).
Il-produttur Richard Grech, iben Domenic Grech, ilu jaħdem flimkien ma’ ħuh Mark fuq arranġamenti
ġodda ta’ kanzunetti oriġinali Għawdxin li kważi ntilfu maż-żmien. Dawn jinkludu kanzunetti ta’ The Tramps, li kellhom repertorju wiesa’, u oħrajn li sawru l-identità mużikali tal-gżira.
L-edizzjoni ta’ din is-sena tkompli t-tradizzjoni li tagħqqad diski ta’ nostalġija lokali ma’ hits internazzjonali, u tagħti lill-udjenza esperjenza unika tul is-snin.