L-Għaqda Muzikali Sant’ Andrija ta’ Ħal Luqa ser tkun qed tfakkar il-140 sena mit-twaqqif tagħha b’Kunċert ċelebrattiv nhar is-Sibt 24 ta’ Ġunju.
Dan il-kunċert se jitella fuq il-Panċier tal-istess Soċjetà, f’Misraħ il-Knisja Ħal Luqa fit-8:30 ta’ filgħaxija.
Dan il-kunċert ser ikun wieħed speċjali mhux biss minħabba li qed jitfakkar dan l-anniversarju, iżda wkoll għax fl-istess okkazzjoni ser ikun qed jiġi inawgurat ix-xogħol ta’ tisbiħ li sar fis-Sala Prinċipali u t-tkabbir u modernizzar li sar fis-sular ta’ isfel ta’ Palazz Bethsaida.
Fil-Kunċert Ċelebrattiv, il-Banda Sant’ Andrija ser tkun taħt id-direzzjoni ta’ Mro Michael Pulis.
Flimkie mal-Banda ser jieħu sehem ukoll it-Tenur Alan Sciberras. Ser tkun qed tindaqq Muzika mill-aktar impenjattiva ta’ kompozituri famuza bħal Verdi, Shostakovitch, Puccini, Tchaikovsky, Brahms, Fucik u Copland.
Ser jindaqq ukoll xogħol tal-istess Surmast Direttur Michael Pulis u tal-ex Surmast tal-Banda
Sant’ Andrija Paul Schembri.
Ghalhekk kulħadd huwa mistieden sabiex jiġi u jgawdi din is-serata b’muzika pjaċevoli f’ambjent ta’ ċelebrazzjoni.
Dan il-Kunċert jimmarka l-bidu ta’ ġimgħa ta’ ċelebrazzjonijiet tal-Festa Titulari ta’ Sant’ Andrija Appostlu li ser tkun iċċelebrata l-Ħadd 2 ta’ Lulju b’diversi attivitajiet u wirjiet pirotekniċi.