Il-Malta Concert Orchestra se ttella’ kunċert b’differenza, din id-darba bl-aqwa musicals Maltin, nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Ottubru fi Pjazza Teatru Rjal, il-Belt Valletta. B’mod xieraq ukoll dan se jkun iddedikat b’mod speċjali għall-memorja ta’ Ray Mahoney li ħalla din id-dinja proprju tliet xhur ilu fl-għomor ta’ 74 sena.
Żorna l-aħħar provi bi tħejjija għal dan il-kunċert fejn tkellimna mas-Surmast Paul Abela, li ħadem ħafna ma’ Mahoney u se jkun qed jidderieġi l-orkestra f’dan il-kunċert.
Hu spjegalna li l-kunċert se joffri siltiet minn musicals Maltin popolari bħal ‘Bastilja’, ‘Ali Baba’, ‘Manwel! Manwel!’ u, b’mod partikolari, ‘Ġensna’, li kienet il-bidu tal-kollaborazzjoni twila tiegħu mal-awtur Ray Mahoney .
Qal, “Kiteb ħafna musicals, kiteb tlieta miegħi u diversi oħrajn ma’ Dominic Galea”.
Mahoney jibqa’ magħruf li kiteb il-lirika għal diversi musicals oħrajn, fosthom ‘Ulied in-Nanna Venut fl-Amerika’, ‘Il-Gwerra ta’ Spiru Cefai’, ‘Żeża tal-Flagship’, ‘It-Tfajla tal-Palazz’, ‘It-Tieġ ta’ Karmena Abdilla’ u ‘Il-Bandiera tal-Maltin’.
Minbarra hekk, kiteb ukoll il-kanzunetta ‘Little Child’, li biha Mary Spiteri ġiet fit-tielet post fil-Eurovision Song Contest fl-1992. Sena qabel, kiteb il-kanzunetta ‘Could it Be’, li ġiet interpretata minn Paul Giordimania u Georgina Abela, fil-Eurovision ukoll fejn Malta kienet spiċċat fis-sitt post.
Ma’ dan ukoll, Mahoney kellu kontribut qawwi anke fuq ONE Radio sa mill-bidu tiegħu, b’qari uniku kif kien jaf jagħmel tajjeb hu.
Il-biljetti għall-kunċert tal-Ġimgħa, li se jibda fit-tmienja u nofs ta’ filgħaxija, jinsabu għall-bejgħ minn fuq il-websajt uffiċjali tat-Teatru Rjal – www.pjazzateatrurjal.mt.
Studenti u anzjani jgawdu minn roħs ta’ 50%.