Nhar it-Tlieta 23 ta’ April se jittella’ kunċert b’xejn f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi biex jitfakkar il-45 anniversarju mill-kisba tal-Ħelsien. F’dan il-kunċert, li jibda mit-8:30 ta’ filgħaxija, se jieħdu sehem uħud mill-aqwa talenti lokali taħt id-direzzjoni artistika ta’ Maestro Paul Abela.
Il-kunċert, li se jkun qed jittella’ mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali, fi ħdan Festivals Malta, se jkun ispirat minn sensiela interattiva marbuta mal-personalità magħrufa ta’ Mario Laus fejn jiġu elenkati l-aqwa għoxrin kanzunetta tas-sebgħinijiet f’pajjiżna.
Waqt konferenza stampa ftit passi bogħod mill-Monument tal-Ħelsien, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li Jum il-Ħelsien din is-sena kien wieħed speċjali għax ikkommemora 45 sena minn mindu dan inkiseb lura fil-31 ta’ Marzu, 1979.
Waqt li l-jum innifsu tal-31 ta’ Marzu din is-sena ħabat mal-Għid il-Kbir u ġie mmedjatament segwit mill-ħatra ta’ President ġdid ta’ Malta, il-Ministru Bonnici spjega li saru l-pjani meħtieġa biex wara dawn il-perjodi jitħabbar dan il-kunċert li d-dħul tiegħu se jkun kompletament bla ħlas u hu mmirat għall-familja kollha.
Hu sostna li l-kunċert innifsu mhux biss għandu jservi biex il-familji Maltin u Għawdxin jirriflettu fuq iż-żmien li fih inkiseb il-Ħelsien, imma jipprovdi pjattaforma sabiħa lil diversi artisti lokali biex jesebixxu t-talenti tagħhom.
“Inħeġġeġ lil kulħadd biex ma jitlifx din l-opportunità unika biex nerġgħu ngħixu l-passat u noħolqu memorji ġodda flimkien permezz tal-mużika.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, li wkoll kienet preżenti għat-tħabbira, faħħret l-inizjattiva li se tiċċelebra dan l-avveniment storiku għal pajjiżna permezz tal-mużika. Tenniet li ċelebrazzjonijiet simili huma importanti biex nibqgħu nfakkru l-perseveranza ta’ dawk li ġew qabilna u li ħadmu favur Malta ħielsa u għal sistema demokratika b’saħħitha.
Iċ-Ċermen ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, qal li fl-2024 se jkunu qed jitfakkru bosta anniversarji speċjali marbutin mal-festi nazzjonali ta’ pajjiżna u dan hu l-ewwel wieħed.
Waqt li l-kunċert hu b’xejn, il-biljetti għandhom jiġu bbukkjati minn fuq showshappening.com.