Dik kienet parti mill-innu Kalaroga fuq mużika tas-Surmast Mro. Giuseppe Caruana li se tkun qed tiftaħ kunċert bl-orgni fil-Bażilika ta’ San Duminku u Porto Salvo fil-Belt Valletta, nhar it-Tlieta li ġej fis-7 ta’ filgħaxija.
Maestro Christian Alejandro Almada, Maestro di Cappella u l-Organista tal-Arċibażilika ta’ San Paolo Fuori Le Mura se jmexxi dan il-kunċert.
Ħadnilu kumment waqt sessjoni ta’ provi, u tlabnih jirrakkontalna fiex ħa jikkonsisti dan il-kunċert.
Kien l-Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede li indika lis-Surmast Arġentin biex dan il-kunċert jittella’ fil-Bazilika ta’ San Duminku u Porto Salvo fil-Belt Valletta, li bħala paroċċa twaqqfet direttament mill-Papa Piju X permezz tal-Bolla Ex Debito Pastorali Officii fit-2 ta’ Lulju tal-1571.
“Proprju kien ftit tal-ġranet ilu, meta ċempilli l-Ambaxxatur għas-Sancta Sede, Frank Zammit – ħabib kbir tiegħi u qalli li se jkun hawn dan il-Maestro, minn Bażilika Papali ġewwa Ruma, u jixtieq jiġi jdoqq l-orgni u jagħmel kunċert ċkejken. Iddiskutejniha malajr u aċċettajna dan l-invit.”
Dan il-Kunċert se jsir frott il-kollaborazzjoni mal-Missjoni Diplomatika Maltija fis-Santa Sede. Qed ikun ippjanat li fis-Sajf li ġej, Maestro Almada se jwettaq ħames kunċerti organistiċi oħra fi knejjes fil-gżejjer Maltin.