Is-Sibt tnejn ta’April, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta se ttella’ kunċert tar-Requiem emozzjonali u affaxxinati ta’ Mozart.
Dan il-kapolavur korali se jittella’ taħt id-direzzjoni tas-Surmast Lawrence Renes bis-sehem tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u l-kor tal-Accademia Nazionale di St Cecilia, waħda mill-eqdem istituzzjonijiet mużikali fid-dinja.
Numru ta’ solisti internazzjonali, inklużi is-sopran Hanna Husáhr, il-mezzo sopran Rihab Chaieb, it-tenur Toby Spence u l-baxx Karl Magnus Fredriksson, se jipparteċipaw f’din il-produzzjoni unika fill-Bażilika ta’ San Duminku, il-Belt.
Mozart ikkompona parti mir-Requiem fi Vjenna lejn l-aħħar tal-elf seba’ mija wieħed u disgħin, iżda dan ix-xogħol ma tlestiex qabel mewtu fil-ħamsa ta’ Diċembru tal-istess sena.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Catherine Tabone spjegat li din il-produzzjoni hija turija oħra tal-impenn tal-aġenzija li tikkollabora ma’ entitajiet ta’ eċċellenza biex tkompli tagħti produzzjonijiet ta’ kwalità.
Qalet, “Kull min hu interessat li jattendi għal dan l-avveniment jista’ jmur fuq showshappening.com u jkun jista’ jixtri biljetti li huma aċċessibbli.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Kultura José Herrera spjega li attivitajiet bħal dawn huma importanti ħafna għax huma attrazzjoni ewlenija li tiġbed in-nies.
Qal, “L-idea hi li ma nagħmlux kunċerti biss fit-teatri. Il-mużika barokka tinstema’ sabiħa f’bini bħal San Duminku, knisja barokka għal Malta.”