Mhux l-ewwel darba li nirrapportaw eluf ta’ oġġetti, fosthom papoċċi, blalen u basktijiet, li jiġu kkonfiskati mill-Uffiċċjali tad-Dwana. Dawn ikunu jirrappreżenta ditta b’mod falz, u tinħareġ ordni biex jinqerdu.
Għaliex ma jingħatawx lill-fqar?
Tkellimna ma’ rappreżentant mill-Infurzar tad-Dwana. Saħaq li meta oġġett suspettuż jasal fi xtutna u jitwaqqaf mill-uffiċjali tad-Dwana, id-deċiżjoni li l-oġġetti jinqerdu ma tittiħidx mid-Dipartiment tad-Dwana, iżda din tkun ordni tal-Qorti, wara li tinfetaħ kawża ċivili.
Id-Dwana twaqqaf l-oġġetti għal perjodu temporanju. Ikunu obbligati jinfurmaw lis-sid tal-prodott, lil dak li importa l-oġġett, kif ukoll lir-rappreżentant tal-prodott tad-ditta propja f’Malta.
Ikunu r-rappreżentanti, li jiddeċiedu jekk hux se jiftħu kawża ċivili, kemm kontra dwak involuti fit-traġitt innifsu jew dawk li ordnaw l-importazzjoni.
Jekk jittieħdu passi bill-Qorti, l-Imħallef jiddeċiedi xi jsir minn dawk il-prodotti. Meta jkun hemm rikors, waħda mit-talbiet li ssir mir-rappreżentanti normalment tkun li dawn l-oġġetti jinqerdu.
Il-liġi tgħid li l-oġġetti għandhom jitneħħew miċ-ċirkolazzjoni kummerċjali, għalekk it-talba li jinqerdu l-oġġetti hija ġustifikata. Ir-rappreżentanti ma jkunux iridu li jkun hemm prodott falz mas-saqajn, għax dan ifisser riklam falz.
Għalhekk wara li tingħata l-ordni lid-Dwana, l-oġġetti jinqerdu darba għal dejjem, biex bl-ebda mod ma joħorġu fis-swieq.
Ir-rappreżentant mid-Dipartiment tal-Infurzar tad-Dwana qal li mhux l-ewwel darba li jitwaqqfu kontejners, li biex jippruvaw jaħarbu mill-għajn tal-uffiċjali, ikollhom l-ewwel saffi bi żraben jew oġġetti mingħajr ditta. Meta jibdew iqallbu fuq wara, jsibu ammont ikbar ta’ oġġetti foloz taparsi tad-ditta, u għalekk il-kontejner jitwaqqaf.
Meta mistoqsi x’inhi r-raġuni għala l-oġġetti ma jingħatawx lil persuni li jkunu fil-bżonn, il-kelliem qal li dan ma jsirx għax wara li tittieħed id-deċiżjoni mill-Qorti, dik tkun l-aħħar kelma u d-Dwana timxi skont xi jkun ordna l-Maġistrat.
Xorta hemm oġġetti li jidħlu bil-kuntrabandu imma jkunu mingħajr ditta, u għalekk ma jirrappreżentaw lil ebda kumpanija b’mod falz. Ma tkunx l-ewwel darba li dawn jingħataw lil persuni fil-bżonn.
Infatti waqt l-Istrina, mhux l-ewwel darba li ngħataw għadd ta’ kutri li jkunu waslu mingħajr ditta, biex jintużaw minn persuni li jkollhom bżonnhom.