Kun Donatur, kampanja li tnediet fil-jum iddedikat għat-trapjanti tal-qalb fit-tlieta ta’ Awwissu.
Din il-kampanja qed tara s-sehem ta’ diversi personalitajiet lokali jingħaqdu biex iħeġġu aktar ċittadini jkunu donaturi ta’ organi.
F’video qasir fuq il-midja soċjali li nieda din il-kampanja, l-attriċi u l-preżentatriċi Lara Azzopardi qasmet storja ta’ ħabib tagħha li kellu bżonn trapjant, filwaqt li spjegat l-idea wara l-kampanja.
“Ħabib tiegħi għadu kif qalb, ftit tax-xhur ilu f’Diċembru li għadda kienet il-festa tal-Kunċizzjoni. Perjodu kiefer, ma tafx meta ħa jasal il-mument, kif se jkun x’ħa jiġri, sptar barra minn Malta, trattamenti, kura. Hu bniedem attiv ħafna, bniedem tan-negozju, tal-familja allura naturalment bħal kull persuna oħra li jgħaddi minn dan il-proċess minn dan il-proċess ma kienet xejn faċli. Ingħaqadt ma’ persuni influwenti f’pajjiżna, fil-fatt minn hawnhekk nirringrazzjahom biex inxerrdu l-kelma u inqajmu l-għarfien biex aħna insiru donaturi.”
F’dan il-filmat ingħaqdet ukoll mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela.
“Titlaqa’ ma’ esperjenzi ta’ nies li għandhom bżonn trapjant tal-qalb biex jgħixu u tifhem kemm il-ħajja hija imprezzabbli. Il-ħajja hija sabiħa u jeħtieġ li ngħinu aktar nies biex jgħixu bl-aqwa mod possibbli. Kun donatur tal-organi, bis-saħħa ta’ kulħadd nistgħu nagħmlu l-ħajja tan-nies ta’ madwarna ferm aħjar.”
F’dan il-filmat għaddew ukoll il-ħsibijiet tagħhom il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, il-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, Adrian Delia u s-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci.
Aktar dettalji dwar x’wieħed għandu jagħmel biex jirreġistra ruħu bħala donatur jew biex tinkiseb aktar informazzjoni, hu mħeġġeġ biex jidħol fuq is-sit organdonation.gov.mt.
ARA L-FILMAT: (1) Facebook