Kont taf li l-eqdem purċissjoni tal-Ġimgħa Kbira hija dik li toħroġ mill-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġieżu organniżżata mill-Veneradna Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp tar-Rabat tal-Imdina.
Id-devozzjoni lejn il-Passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesu Kristu ħadet spinta kbira ‘l quddiem mal-wasla tal-Patrijiet Franġiskani Minuri f’Malta fl-elf erba’ mija erba’ u disgħin li waqqfu l-kunvent u l-knisja tagħhom fir-Rabat.
Hemm ingħaqdet l-aktar Fratellanza antika fil-gzejjer Maltin, dik tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp li kien ilha mwaqqfa minn qabel is-seklu sittax.
Din mill-ewwel ħadet f’idejha l-organizzazzjoni tal-puċissjoni li skond dokument tal-elf ħames mija wieħed u disgħin fir-Rabat kienet diġa ssir iżda mhux kif nafuha illum
Dak iż-żmien il-purċissjoni kienet toħroġ mill-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġieżu tard filgħaxija u tidħol lura għall-ħabta ta’ nofs il-lejl.
Xhieda oħra ta’ kemm hi antika din il-purċissjoni huwa d-daqq melankoniku tas-suffara u t-tambur, drawwa li ġejja mill-bandituri tal-imgħoddi.
Id-drawwa tal-penitenti b’wiċċhom mgħammad ikaxkru l-ktajjen jew jerfgħu s-slaleb ukoll rat il-bidu tagħha f’dan ir-raħal.
Il-Vari tar-Rabat li huma għaxra, huma taħlita ta’ xogħol antik ferm kif ukoll xogħol riċenti bħalma hi l-vara tal-għaxar stazzjon li hi unika fil-ġżejjer Maltin.
Dawn l-opri jakkumpanjaw il-vari tal-passjoni li fir-Rabat ilhom jeżistu mijiet ta’ snin għalkemm ħafna minnhom inbiddlu tul iż-żmien.
Xhieda ta’ dan huwa l-vara tal-marbut u l-korp ta’ kristu mejjet fil-monument li jitqiesu xogħol tas-seklu sittax u huma l-eqdem statwi li nisbu fil-ġżejjer Maltin.