Meta wieħed jisma’ bil-gżira ċkejkna ta’ Kemmuna, quddiem għajnejh dlonk tiġi x-xena tal-bajjiet pittoreski ta’ bejn il-Kmiemen jew ta’ Santa Marija… jew xi flixkun birra friska taħt xemx taqli l-ankri. Iżda bosta żgur ma jafux li wara din il-gżira hemm storja rikka. Storja li tmur lura għal żmien il-Medju Evu.
It-Torri ta’ Santa Marija, binja prominenti fuq Kemmuna u li jispikka ferm meta wieħed ikun qed jaqsam il-fliegu, inbena fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann u għal xi żmien anke serva ta’ ħabs għall-ispiji suspettati. Iżda fil-ġurnata tal-lum dan it-torri huwa biss destinazzjoni għat-turisti li jmorru jitpaxxew bil-gżira ta’ bejn il-gżejjer.
Ftit aktar ‘l isfel mit-torri l-għajnejn jiġbdu mbagħad lejn il-kappella ta’ Santa Marija li nbniet fl-elf sitt mija u tmintax, u li l-festa tagħha tiġi ċċelebrata fix-xahar t’Awwissu. Ftit ilu s-skiet tal-Kappella beka t-telfa tar-rettur tagħha Dun Karm Xerri li għal erbgħa u ħamsin sena sħaħ kien jaqbad il-lanċa u jmur jiċċelebra l-Ewkaristija.
Iżda Kemmuna mhux biss tiġi ffrekwentata mit-turisti li jżuruha mill-erbat irjieħ tad-dinja, iżda wkoll rat bosta films popolari jinġibdu fuqha, fosthom The Count of Monte Cristo.
Bosta studenti lil Kemmuna studjawha wkoll permezz ta’ Poeżija miktuba mill-mibki Poeta Għawdxi Ġorġ Pisani, li permezz tal-pinna mirquma tiegħu ġġiegħel lill-qarrejja jixtarru dwar dak li għaddiet minnu Kemmuna u anke biex nibżgħu għaliha: “Waħdek, ħosbiena f’nofs il-baħar tagħna, bla ħoss, bla ġrajja, bla tbissima, bla dija, x’inti titħasseb f’dan is-skiet saħħari, gżira minsija? “
Bil-kliem ta’ Pisani, inħallu lil Kemmuna tilqa’ lill għexieren ta’ turisti Maltin u anke turisti li mistennija jżuruha fil-ġimgħat u xhur li ġejjin, biex wara, meta jerġgħu jinfetħu bibien is-sema, din terġa’ tidħol f’ngħasa twila għall-mistrieħ.