Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech waħħal f’dawk li sejjaħ bħala kumplikazzjonijiet ħmerija meta mistoqsi dwar il-ksur tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti mill-Partit Nazzjonalista.
Fi programm is-Sibt filgħodu kompliet tqum il-kwistjoni li kemm ilu Bernard Grech Kap, il-Partit Nazzjonalista għadu ma ressaq rapport tal-kontijiet finanzjarji u rapport tad-donazzjonijiet li jdaħħal ta’ sena sħiħa.
Fil-fatt sar magħruf li l-partit ta’ Bernard Grech ilu sentejn jinjora l-Kummissjoni Elettorali li ġibditlu l-attenzjoni għal ħames darbiet iżda l-Partit Nazzjonalista baqa’ jikser il-liġi.
Qal, “Ikun hemm xi kultant kumplikazzjonijiet, ħafna drabi jkunu ħmerija jiġifiri inti jkollok bżonn awditur u inti ma ssibx awditur.”
Dwar din id-dikjarazzjoni, il-preżentatur staqsieh kif jista’ jkun partit politiku ma jistax isib awditur, u Bernard Grech wieġeb hekk.
ANDREW AZZOPARDI: “Awdituri, ngħid jiena hawn daqstant awdituri. Jiġifiri hawn awdituri li jagħżlu ma jaħdmux, jew jinkwetaw x se jsibu?”
BERNARD GRECH: “Le lanqas xejn, inti tapprezza li dawk li jmissu mal-politika b’xi mod ikollhom resposabilitajiet, filfatt dik hija waħda mis-seħtiet li qed iseħħ fil-politika.”
Hu mifhum iżda li fil-fatt wara anki bosta riżenji fl-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fejn għamel żmien lanqas kaxxier ma kellu, hu diffiċli xi ħadd jitfa’ ismu mat-taħwid li hemm fil-Partit Nazzjonalista li dwaru Grech reġa’ semma’ li hemm id-dejn.
Intant fuq il-programm, il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla jattakka lil min jaqta’ deċiżjonijiet kontrih jew li ma jdoqqulux.
F’ġimgħa li sar magħruf li anki tilef il-maġġoranza assoluta tal-ilmenti kontra x-xandir nazzjonali meta ħa l-każijiet quddiem l-Awtorità tax-Xandir, illum infexx jerġa’ jattakka l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Qal, “Ikollok goaler tajjeb, iħalli għaxar blalen għaddejin u issalva wieħed, mhux qiegħed jagħmel xogħlu.”
F’intervista ta’ madwar nofs siegħa, imbagħad Grech kompla jitlob għal riżenji u bir-retorika kontra min ma jaqbilx miegħu.