Matul din is-sena se jkun qed jinbena kumpless sportiv ġdid fl-Università ta’ Malta li se jinkludi fih, trakka daqs Olimpiku, u binja ġdida li se tilqa’ fiha l-Istitut għall-Edukazzjoni Fiżika. Fl-istess kumpless se jkun hem ukoll grawnd tal-futbol u indoor track għall-atleti.
Se jitjiebu wkoll l-faċilitajiet tal-MCAST li se jwasslu biex l-istudenti u l-komunità tal-madwar ikollhom aċċess għall-faċilitajiet.
Il-Professur Scicluna spjega wkoll li wara li din is-sena rajna t-tlestija tal-iskola l-ġdida tal-Qawra u l-estensjoni tal-iskola taż-Żejtun u tlestija tar-restawr tal-iskola tal-arti, se jissokta l-bini tal-iskejjel ġodda fir-Rabat Għawdex u fl-Imsida.
Fl-istess waqt se tkompli l-ħidma sabiex jitlesta l-proġett ta’ estensjoni u mmodernizzar tal-iskola ta’ Santa Luċija u tal-iskola Primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi.