Mifrux fuq spazju ta’ elfejn metru kwadru ta’ art u b’investiment ta’ miljun ewro, ġie inawgurat kumpless ġdid ta’ uffiċini moderni fir-Residenza San Vinċenz de Paul, li minnu se tkun qed issir il-ħidma amministrattiva tal-akbar faċilità tal-anzjani f’pajjiżna.
Il-faċilità, li tikkonsisti f’sittin stazzjon tax-xogħol, hija mgħammra b’apparat elettroniku u servizz tal-informatika tal-ogħla kwalità, u għandha kmamar għal-laqgħat, spazju għall-arkivji u d-dokumenti, u spazju rikreattiv.
Minn dan il-kumpless se jaħdmu l-ħaddiema tar-riżorsi umani, dawk mis-sezzjoni tal-inġinerija, il-ħaddiema reponsabbli mis-servizzi tal-ikel, dawk mis-sezzjoni li jassiguraw il-kwalità, u s-social workers.
F’dan il-kumpless hemm ukoll kamra ġdida għall-elettriku li tkopri mhux biss dawn l-uffiċini, imma taħseb ukoll għaż-żieda fid-domanda maħsuba fix-xhur li ġejjin permezz tal-kumpless Rużar Briffa, spiżerija ġdida u l-imħażen farmaċewtiċi.
Il-Kap Eżekuttiv tar-Residenza, it-tabiba Josianne Cutajar, spjegat li b’residenti li jgħoddu l-elf u tliet mitt anzjan u anzjana, elfejn u mitejn ħaddiem u operat ta’ budget li jlaħħaq il-mitt miljun ewro, inħass il-bżonn li l-ħaddiema jkollhom faċilità mgħammra bl-aħjar teknoloġija u ambjent li jixraq.
Innotat b’sodisfazzjon li l-parti kbira tax-xogħol fuq dan il-kumpless, sar mill-ħaddiema ta’ San Vinċenz stess.
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva, Michael Farrugia, qal li jiem bogħod minn Jum il-Ħaddiem, dan il-proġett jirrikonoxxi l-ħidma tal-impjegati li fl-aħħar xhur adattaw għas-sitwazzjoni tal-pandemija.
Qal, “Matul is-snin sar ħafna xogħol biex intejbu l-ambjent għar-residenti ta’ San Vinċenz. Issa wkoll irridu naħsbu fil-ħaddiema, li jkollhom abjent ideali, sabiħ, modern, bl-aħħar teknoloġija fejn huma jistgħu jaħdmu.”