Hekk kif l-Erbgħa kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tal-Kappillan ta’ Marsaxlokk Luke Seguna li qed ikun akkużat, bi frodi u ħasil ta’ flus fost oħrajn, intqal kif il-qassis daħħal kważi €450,000 f’seba’ snin waqt li l-paga tiegħu laħħqet biss €75,000.
Dan intqal fix-xhieda tal-ispettur Christopher Ellul mit-Taqsima tal-FCID fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.
Huwa spjega kif f’Marzu ġie assenjat dan il-każ wara li ġew osservati numru ta’ transazzjonijiet fil-kont bankarju tal-imputat b’rabta mal-valur u anke tip liema transazzjonijiet ma kienux jaqblu mal-profil finanzjarju tal-kariga ta’ Fr Luke Seguna.
Fil-fatt, hawn ġie spjegat li l-paga tal-imputat mill-Arċidjoċesi ta’ Malta kienet tammonta għal ftit aktar minn €20,000 u ma wiret qatt xejn.
Is-Sur Ellul spjega li l-imputat fuq ismu personali għandu 10 kontijiet bankarji f’diversi banek Maltin flimkien ma’ kont tar-Revolut. Huwa wkoll il-firmatarju tal-kont bankarju tal-parroċċa ta’ Marsaxlokk.
Id-dħul f’dawn il-kontijiet bejn l-2015 u l-2022 kien ta’ aktar minn €449,000 minkejja li f’dan il-perjodu s-salarju tal-imputat kellu jammonta biss għal €75,000.
L-Ispettur Ellul spjega wkoll kif tul l-investigazzjonijiet ġie osservat kif kien hemm ħafna depożiti ta’ flus kontanti u li jammontaw għal madwar €200,000 bejn l-2015 u l-2021.
Tul ix-xhieda tiegħu l-Ispettur Ellul ta’ rendikont ta’ diversi transazzjonijiet meqjusa suspettużi u li ammontaw għad-depożitu totali ta’ aktar minn €449,000.
Fost oħrajn dawn jinkludu donazzjonijiet minn 47 individwu bejn l-2019 u l-2020 fil-kont tar-Revolut tal-imputat u li jammontaw għal madwar €120 kull wieħed.
Meta ġie interrogat, l-Ispettur Seguna qal li l-imputat tenna li daħħal dħul żejjed minn tiġijiet, ċerimonji oħra u donazzjonijiet personali.
Tul is-seduta nqala wkoll diżgwid bejn il-partijiet hekk kif id-difiża semmgħet id-diżaprovazzjoni tagħha għall-akkużi li qed jaffaċċja Luke Seguna.
Dan wara li ġie spjegat kif il-Kappillan sostna mal-Pulizija li garage li kellu kien qed jiġi ffinanzjat permezz ta’ skema ta’ self mal-kurja u li kellu jitħallas f’sitt snin. Dan filwaqt li l-istess Kappillan ħa żewġ loans oħra biex jiffinanzja landrover second hand.
L-imputat ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest hekk kif aktar xhieda jridu jixhdu f’din il-kumpilazzjoni.
Din ġiet aġġornata għal 25 ta’ Awwissu fid-disgħa u nofs ta’ filgħodu.
L-Avukati Josè Herrera u Matthew Xuereb iffurmaw id-Difiża tal-imputat.