F’sitt xhur biss, Mohamed Ali Ahmed Elmushraty, magħruf bħala “Lilu l-King”, nefaq madwar tlett elef u tmien mitt ewro fuq oġġetti lussużi minn ħanut partikolari, li għalihom dejjem ħallas bi flus kontanti.
Dan ħareġ hekk kif it-Tnejn kompliet il-kumpilazzjoni fil-Qorti kontra Elmushraty, li qed ikun akkużat b’ħasil ta’ flus, evażjoni tat-taxxa u parteċipazzjoni fi kriminalità organizzata.
L-ewwel xhud kien Luke Chetcuti, li qal li kera stabbiliment tiegħu f’Paceville lill-akkużat f’Awwissu tal-elfejn u dsatax.
Huwa xehed li l-kirja kienet għal għaxar snin, bi ħlas ta’ tliet mitt ewro għal kull ġurnata. Żied li dejjem irċieva ħlas sas-sena l-oħra, iżda l-pagamenti twaqqfu f’daqqa. Dan wasslu biex jirrapporta lill-Pulizija.
Xehed ukoll is-Supretendent Keith Arnaud, li qal kif is-sorsi tal-Pulizija ndikaw li l-akkużat huwa involut f’ċirku ta’ traffikar tad-droga.
Xehed kif waqt rejd fil-proprjetà tiegħu f’Portomaso, instabu ammont sinifikanti ta’ oġġetti lussużi, fosthom aċċessorji, żraben, u karozzi lussużi.
Il-kumpilazzjoni tal-evidenza tkompli fit-22 t’Awwissu.