Roderick Cilia, li fl-elfejn u tnax baqa’ dieħel f’żewġ vetturi f’Ħal Għaxaq ġie ordnat jagħti tmint elef, ħames mija u tmintax-il ewro lis-sid tal-vetturi.
Fil-Qorti Ċivili nstema’ kif iż-żewġ vetturi kienu qed jintużaw minn Jeamik Lifts Limited. Johan Azzopardi, li fetaħ din il-kawża, sostna kif Cilia ma riedx iressaq claim mal-kumpanija tal-assigurazzjoni tiegħu, u għalhekk kellu jiftaħ waħda Azzopardi stess.
Kompla jgħid kif il-vetturi ma setgħux jintużaw għal tliet xhur u b’hekk il-kumpanija tilfet tlett elef ewro, filwaqt li l-ħsara fiż-żewġ vetturi kienet ta’ tmient elef u ħames mitt ewro.
Il-Qorti nnutat li l-karozzi ma kinux ipparkjati f’post ħażin, u għalhekk Cilia kien responsabbli tal-inċident, iżda t-talba sabiex jiġi kkumpensat tlett elef ewro li tilfet il-kumpanija ma ntlaqgħetx.