Il-Kap Uffiċjal Mediku tal-Gvern u żewġ tobba kienu ordnati jħallsu €60,000 f’danni lill-ġenituri ta’ tifla ta’ 18-il xahar li mietet 11-il sena ilu minħabba nuqqasijiet fit-trattament mediku.
It-tifla mietet fil-parti pedjatrika tad-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar San Luqa fl-2005. Flimkien ma’ nuqqasijiet fit-trattament, il-Qorti innotat nuqqasijiet ukoll fl-organizzazzjoni professjonali tal-isptar matul il-ħin in kwistjoni.
It-tifla, Mireille Portelli, ittieħdet l-isptar mill-ġenituri tagħha ħames darbiet. Erba’ darbiet minnhom sabu t-taqsima pedjatrika magħluqa u kellhom imorru fid-dipartiment tal-Emerġenza ġenerali. Kienu ripetutament żgurati li ma kien hemm xejn gravi u ngħataw struzzjonijiet biex imorru d-dar. Fil-ħames żjara lejn l-isptar, Mireille tilfet ħajjitha waqt li kienet l-isptar.
Il-Qorti eżaminat kif wara li t-tifla kienet amministrata vaċċin tal-MMR, żviluppat temperatura ta’ 103.7 grad. Ħareġ ċar li nefħa f’għonq it-tarbija kienet injorata. Din kienet ikkawżat minn infezzjoni fil-gerżuma li eventwalment infirxet għad- demm, li kkawżat settiċemija u eventwalment il-mewt qabel il-waqt.
Espert qal lill-qrati li l-eżamijiet mediċi li twettqu fuq Mireille kienu superfiċjali. Dr Edward Zammit, skont kif intqal fil-Qorti, naqas milli jwissi lis-superjuri tiegħu minkejja li t-tifla kienet saret kien blu u żviluppat raxx.
Dwar iż-żjara finali, Dr Daniela Damarco indunat li l-kundizzjoni kienet qed tiddeterjora b’rata mgħaġġla u sussegwentement ordnat li jsir scan. Sfortunatament, dan kien tard wisq u Mireille tilfet ħajjitha.
L-Imħallef Silvio Meli,li ippresjeda l-każ, iddikjara li dan kien wieħed ta’ negliġenza serja fejn jidħol immaniġġjar u fejn jidħol il-mod li bih it-tobba wettqu d-dmirijiet tagħhom meta eżaminaw lit-tifla. Innota li l-tabib li inizjalment eżamina lit-tarbija kellu biss tliet xhur esperjenza fil-dipartiment tal-pedjatrija. Dan naqas milli jeżerċita d-diliġenza mistennija fil-professjoni tiegħu. B’żieda ma’ dan, ma kienx hemm referenza għal rekords mediċi tat-tarbija, ma ttiħdux kampjuni tad-demm, it-tifla ma nżammitx taħt osservazzjoni, konsulenti ma kienux avżati u lanqas ma saret referenza lejn tobba aktar esperjenzati.
Il-fatt li s-sezzjoni tal-pedjatrija tad-dipartiment tal-Emerġenza kienet tibgħalaq b’mod intermittenti kienet elenkata wkoll bħala dgħjufija.