Dalgħodu l-Qorti tat lill-werrieta ta’ Lino Cauchi kumpens ta’ €615,000.
Cauchi kien ġie rrappurtat nieqes fi Frar tal-1982 u nstab mejjet fil-15 ta’ Novembru tal-1985 f’bir fil-Buskett.
Kien tliet snin ilu, meta Anna Cassar, l-armla ta’ Cauchi, u ibnu Paolo, fetħu proċeduri kostituzzjonali fuq il-premessa li l-fatt li l-każ baqa’ ma ssolviex aċċentwa l-inġustizzja kbira li sofrew. Huma argumentaw ukoll li d-dritt tagħhom għall-ħajja, għall-familja, u għall-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni ġew injorati.
Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef Francesco Depasquele innota nuqqasijiet mill-Istat tul is-snin biex tiġi protetta ħajjet Cauchi, biex issir investigazzjoni serja dwar il-każ, u biex jittieħdu l-miżuri kollha sabiex issir ġustizzja u jingħata kumpens lill-familja.
Intant, fi stqarrija, il-familja ta’ Lino Cauchi rringrazzjat lill-Qorti talli, f’inqas minn sentejn, semgħet u ddeċidiet din il-kawża. Il-familja qalet li se tibqa’ tiġġieled għall-ġustizzja u ħeġġet lill-Kummissarju tal-Pulizija jordna li tingħarbel l-evidenza kollha sabiex il-persuni responsabbli jirrispondu quddiem il-Qorti.