Grupp ta’ ħabsin transgender ingħataw kumpens ta’ €5,000 kull waħda wara li d-drittijiet tal-bniedem tagħhom inkisru meta tpoġġew ma’ ħabsin irġiel. Is-seba persuni, li uħud minnhom biddlu s-sess minn dak ta’ raġel għal dak ta’ mara, kollha għexu ħajja ta’ mara u identifikaw lilhom infushom hekk.
Huma fetħu l-kawża fil-Qorti u argumentaw li l-awtoritajiet tal-ħabs baqgħu jinsistu li jittrattawhom bħala irġiel. Barra minn hekk, uħud minnhom kienu offruti li jiċċaqilqu għas-sezzjoni tan-nisa, iżda dan kien ifisser li ma setgħux jaħdmu u jistudjaw, u għalhekk ċaħdu l-opportunita.
Fil-Qorti ingħad ukoll li anke l-ħabsin nisa u l-gwardjani kienu ostili lejhom, u għalhekk għażlu li jibqgħu fin-naħa tal-irġiel, anke jekk uħud minnhom kellhom jaqsmu ċella ma’ raġel. L-Imħallef Silvio Meli ordna li jitħallsu erbat elef ewro kull waħda talli nkisrulhom id-drittijiet u elf ewro oħra għad-danni li sofriet id-dinjita tagħhom.