Il-Kunsill Lokali tal-Fgura ġie ordnat iħallas aktar minn €42,700 lil mara ta’ 47 sena mill-Fgura stess wara li l-Qorti tal-Appell sabet lill-istess Kunsill ħati ta’ traskuraġni taż-żamma tal-bankina fi Triq il-Kitba.
Il-każ seħħ fl-2012, meta Sonia Mifsud kisret saqajha wara li waqgħet f’ħofra li kienet f’bankina li kienet fi stat ħażin ħafna. Konsegwentament hija ġarbet ksur f’waħda mill-għadmiet tal-pala ta’ sieqa biex spiċċat issofriet diżabilità permanenti ta’ 25%, kif ukoll kellha bżonn l-għajnuna psikjatrika.
Mir-ritratti rriżulta li l-Kunsill kien naqas milli jżomm il-bankina fi stat tajjeb, u għalhekk instab ħati ta’ dan l-inċident sfortunat. Dan wassal sabiex il-mara li taħdem bħala parrukkiera kella tqatta’ sentejn iżżomm il-ħanut magħluq li kellha fil-Birgu. Minkejja li ma kinitx qed tiftaħ, hija xorta waħda kellha l-ispejjeż relatati mal-kirja, dawl u ilma.