Raġel persegwitat mill-eks tfajla tiegħu, ingħata €18,000 f’kumpens li wara l-Qorti sabet li tkeċċa inġustament mill-impjieg tiegħu wara 26 sena servizz.
L-istorja tmur lura għall-2019 meta ddeċieda li ma jkomplix bir-relazzjoni mas-sieħba tiegħu, wara li ħass li l-affezzjoni tagħha kienet saret ossessjoni. Il-mara ma kinitx aċċettat li ntemmet ir-relazzjoni, u bdiet theddu li ladarba ma jirranġawx, kienet se tagħmel l-almu tagħha biex jitkeċċa mill-impjieg tiegħu bħala uffiċjal tas-sigurtà fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Hija kellha xogħol part-time ma’ kumpanija tas-sigurtà privata u ngħatat xogħol fl-ajruport. Ċemplet lis-superjuri ta’ Cassar, u qalet li kien jibqa’ barra tard ma’ sħabu u jirrapporta għax-xogħol fis-sakra. Ir-raġel għal bidu injora dan l-atteġġjament, iżda meta ippersista, ħass li kien se jispiċċa fl-inkwiet.
F’ April tal-2020, il-mara bagħtet ittra lill-Kap Eżekuttiv tal-MIA, fejn allegat li seraq minn fuq il-post tax-xogħol u kien fis-sakra waqt il-ħin tax-xogħol. Wara investigazzjonijiet mid-dipartiment tar-Riżorsi Umani, inħarġu akkużi fil-konfront ta’ Cassar, li huwa ċaħad.
Il-bord dixxiplinarju ddikjarah ħati “bi ksur tal-policy fuq il-post tax-xogħol, bullying, abbuż tal-alkoħol u t-nuqqas ta’ dmirijiet”, tant li tkeċċa mill-impjieg. Huwa ħa l-ilment tiegħu quddiem it-Tribunal Industrijali fejn sostna li dejjem għamel xogħlu b’reqqa, tant li kien ġie rikonoxxut bi premju.
Cassar irrakkonta episodju meta l-Pulizija marru id-dar tiegħu wara rapport dwar id-droga, u dawn kienu wissewh li hemm xi ħadd li jrid jagħmillu l-ħsara.
L-eks imgħallem ta’ Cassar qal li minkejja li kien ingħata kull ċans li jiddefendi lilu nnifsu skont il-ftehim kollettiv mal-unjin tiegħu, il-bord kien sabu ħati. Kollega mara xehdet li kienet rat lil Cassar rieqed waqt li kien xogħol filwaqt li kollega raġel ieħor xehed li dan kien jiskarta. Intqal li kien jirrapporta għax-xogħol taħt l-influwenza tax-xorb, xi drabi talab għal leave ta’ emerġenza fl-aħħar ħinijiet, abbuża minn leave tal-mard u għamel użu personali mill-proprjetà tal-kumpanija.
Madanakollu, uffiċjal għoli xehed li Cassar ma wera ebda mġieba problematika. Fil-Qorti ntqal li dan l-atteġġjament lejn Cassar u l-kollegi tiegħu, li tefa’ dawl ikrah fuqu, seta’ wassal ukoll għal problemi psikoloġiċi. Qabel ma beda l-inkwiet, huwa kien deskritt bħala impjegat diliġenti u li jmur tajjeb mal-kollegi.
Intqal li l-maniġment tal-MIA kellu dmir jipproteġih kontra dak li kellu jġarrab. Meta akkużat quddiem il-bord, Cassar kien fi żvantaġġ għaliex ma kellux informazzjoni dwar meta seħħew l-allegati inċidenti, ma ġie offrut l-ebda spjegazzjoni u ma setax jipproduċi filmati CCTV jew evidenza oħra.
Is-superjuri tiegħu kienu kkonkludew li ma kienx hemm biżżejjed evidenza biex jittieħdu passi kontrih. Għalkemm il-bord sabu ħati fuq il-bażi ta’ ‘probabbiltà’, il-Qorti kkonkludiet li t-tkeċċija kienet inġusta u ordnat lill-MIA tħallas lill-vittma €18,000 bħala kumpens.