Eks uffiċjal tal-pulizija ngħata kumpens ta’ iżjed minn €10,000, wara li nlaqat fi sparatura minn kollega waqt it-taħriġ tal-pulizija li sar u li ma kienx awtorizzat.
Il-każ imur lura għal Mejju tal-2009, ġewwa l-White Rocks.
Fil-Qorti ntqal kif is-Surġent iċċekkja li kull arma ma kinitx ikkargata, fejn intqal ukoll kif il-parteċipanti, li kienu sitta kienu ordnati biex ma jżommux subgħajhom fuq il-grillu.
Iżda jirriżulta li waqt dan it-taħriġ, fil-mument tal-inċident, il-vittma ntlaqat fin-naħa tax-xellug ta’ spalltu.
Waqt l-inkjesta Maġisterjali, l-imputat qal li kien ikkarga l-arma hekk kif ħaseb li l-eżerċizzju kien spiċċa, iżda wara komplew bl-eżerċizzju tagħhom bl-arma kkargata.
Il-Qorti nnutat kif dan l-eżerċizzju seħħ waqt il-ħin tax-xogħol.
Fil-Qorti ntqal ukoll kif il-vittma għad għandu problemi bin-nifs u tħalla b’diżabilità permanenti ta’ 5%.