Fi żjara li għamel fiċ-ċentru tal-Vitikultura, fil-Buskett, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar għajnuna finanzjarja li tlaħħaq il-€125,000 għall-bdiewa li raw telf kbir fil-produzzjoni taż-żewġ varjetajiet indiġeni tal-għeneb Malti, Girgentina u Ġellewża.
Dawn il-varjetajiet huma adattati għall-klima lokali, iżda ikun hemm żminijiet li minħabba effetti tat-temp, jiġu kkawżati problemi fil-produzzjoni ta’ dan it-tip ta’ għeneb. Huwa għalhekk li d-Dipartiment tal-Agrikoltura fi ħdan il-Ministeru, qed joffru għajnuna finanzjarja lill-bdiewa li jiġu milquta.

Il-Ministru Anton Refalo qal kif bi skemi bħal dawn, il-Gvern qed jagħti appoġġ dirett lill-bdiewa biex jikkumpensaw għat-telf finanzjarju li ġarrbu minħabba dawn il-kundizzjonijiet straordinarji. Sostna li dan l-investiment mhux biss qed isostni lill-bdiewa, iżda wkoll jgħin biex jinżamm il-patrimonju agrikolu Malti, partikolarment dawn iż-żewġ varjetajiet uniċi.
“Kommessi li jkun hemm aktar investiment u ħidma fuq iċ-ċentru tal-Vitikultra sabiex joffri riżorsi aħjar lill-bdiewa tal-għeneb, u jkompli jsaħħaħ ir-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur,” temm jgħid il-Ministru Refalo.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-Agrikoltura Marco Dimech, spjega wkoll li d-Dipartiment mhux biss jgħin b’għajnuna finanzjarja iżda wkoll jgħin anki fir-rigward ta-riċerka biex jiġu esplorati iżjed varjetajiet ta’ għeneb għat-tagħsir.
Waqt din iż-żjara l-Ministru Refalo kien akkumpanjat mid-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet Rurali Saviour Debono Grech, id-Direttur għall-Agrikoltura Marco Dimech kif ukoll Darren Borg, Chief Agricultural Officer.