Il-Gvern qed ikompli jagħti kumpens finanzjarju lil eks ħaddiema tat-tarzna li, minħabba li snin ilu għamlu perjodi twal esposti għall-asbestos, sofrew danni f’saħħithom. Fil-każ ta’ eks ħaddiema li mietu, il-kumpens qed jingħata lil qrabathom.
L-impenn biex, minflok l-individwi milqutin jew qrabatom ikollhom ifittxu kumpens bil-Qorti – proċess li jista’ jdum ħafna snin – jingħataw kumpens barra mill-Qorti wassal għal ħidma mill-Gvern u mill-GWU li qed tħalli l-frott.
Is-Segretarju tat-Taqsima Metall u Kostruzzjoni tal-GWU, Jesmond Marshall, fakkar kif kien fil-Budget għall-2021 li l-Gvern ħabbar għall-ewwel darba dan il-kumpens. Marshall, bl-appoġġ tal-unjin li jirrappreżenta, kien wieħed mill-aktar li stinka biex, id f’id mal-Gvern, issir ġustizzja ma’ dawn l-individwi u l-familji tagħhom.
“Nirringrazzja kemm lill-Ministru tal-Finanzi kif ukoll lill-Prim Ministru, kif ukoll lil sħabi kollha tal-GWU, speċjament lis-Segretarju Ġenerali, li tani l-backing kollu.”
Huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal kif, b’dan il-ġest min-naħa tal-awtoritajiet, dawn l-individwi u familji setgħu jevitaw proċeduri twal fil-Qrati.
“Il-kumpens li ngħataw il-ħaddiema għalihom kienet xi ħaġa mhux mistennija. Li ma kinitx il-ħidma tal-GWU flimkien mal-Gvern, dawn kienu jidħlu l-Qorti – min kien jidħol, għax ħafna minnhom żgur li ma kinux jidħlu l-Qorti. Kienu jidħlu f’każ li jdum ma nafx kemm, idum snin, jiġifieri, ġeneralment, u jieħdu ftit li xejn.”