Ħaddiem tal-Malta Freeport Terminals, ingħata kumpens ta’ €10,599 wara li rebaħ kawża kontra l-kumpanija.
Raymond Grech għamel dan wara li tnaqqaslu l-grad fuq il-post tax-xogħol b’riżultat li tnaqqsitlu l-paga fl-2006.
Fil-fatt, fil-Qorti, quddiem l-Imħallef Toni Abela, Grech ilmenta li fl-2006 tniżżel minn kariga li kellu sa mill-1993 b’riżultat li ra tnaqqis fil-paga u l-benefiċċji li kellu. Huwa spjega li dan sar mingħajr qatt ma ngħata raġuni.
Minn naħa tagħha, il-kumpanija sostniet li dan il-każ huwa wieħed preskritt.
Madankollu l-Imħallef Toni Abela wara li wieżen l-argumenti li saru, sostna li minkejja li l-kumpanija bil-liġi setgħet ħaddmet lil Grech fi grad inqas, din ma setgħetx tnaqqaslu l-paga. B’hekk huwa laqa’ t-talba ta’ Grech u ordna lill-kumpanija tħallas kumpens ta’ €10,599.