Fil-Budget li ġej, il-Gvern se jkun qed iwieżen l-iktar bil-kumpens tal-għoli tal-ħajja, l-aktar lil min jiflaħ inqas.
Fl-aħħar laqgħa ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-Budget, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana saħaq li ż-żidiet għall-għoli tal-ħajja se jingħataw l-aktar li min huwa milqut.
Huwa stqarr: “Il-kumpens li jagħti l-Gvern, irid itih il-Gvern. Il-kumpens li jagħti l-Gvern irid imur lejn dawk li l-anqas illi jifilħu. Ma jistax ikun kumpens illi jwieżen lil kulħadd, ma jistax ikun għaliex hawn min hu tajjeb, nawgurawlu u nifirħulu, imma ħa jkun hawn inqas tajjeb. Il-ġustizzja soċjali, il-prinċipji tagħna jitolbu illi nwieżnu lil min l-anqas li jiflaħ.”
Fil-laqgħa li saret fil-kumpless Sportiv tal-Kottonera, il-Ministru għall-Finanzi semma wkoll kif il-pensjonanti se jkunu qed jerġgħu jiżdiedu sew.
Il-Ministru Caruana sostna: “Il-pensjonanti nhar it-Tnejn se nkunu qed inżiduhom u ħa nkunu qed inżiduhom għat-tajjeb. Naħseb mingħajr ma ngħid in-numri, se jkun hemm fost, naħseb waħda mill-aktar żidiet meta tqis iż-żidiet u l-affarijiet l-oħra li se nmissu.”
Clyde Caruana saħaq ukoll kif dan il-Gvern irid joħloq iżjed ġid biex iqassam lin-nies.
Semma wkoll li għal sena oħra mhux se jiżdiedu t-taxxi: “Ma aħniex ħa nżidu t-taxxi, la n-numru, la l-piż u lanqas ir-rata u lanqas ħa nippruvaw ngħaddu mill-ventilatur jew minn xi tieqa biex inżiduha. Imma t-taxxi li jridu jitħallsu, min għandu jħallashom, għandu jħallashom.”