Stħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea jindika li l-indiċi tal-kunfidenza ekonomika f’Lulju laħaq il-livell ta’ 121. Dan huwa l-ogħla livell ta’ ottimiżmu qatt osservat f’pajjiżna għal dan ix-xahar mindu beda jsir dan l-istħarriġ fl-2002. L-istħarriġ tal-Kummissjoni li sar fost 1,500 kumpanija u 1,000 familja, fl-ewwel ġimagħtejn ta’ Lulju, juri wkoll li f’Malta hawn l-ogħla livell ta’ ottimiżmu osservat fost il-pajjiżi taż-żona ewro. Barra minn hekk, ikkumparat mal-istess xahar fl-aħħar sena qabel il-bidla fil-Gvern fl-2013, l-ottimiżmu huwa 28% ogħla.
Fl-istħarriġ, l-akbar ottimiżmu kompla jispikka fost l-operaturi fis-settur tas-servizzi f’pajjiżna, li jinkludu kumpaniji fis-settur finanzjarju u tal-gaming. Dawn għandhom livell ta’ kunfidenza d-doppju tal-medja Ewropea. Minkejja l-kampanja negattiva li qed issir biex ikun hawn l-inċertezza f’dawn l-oqsma, lill-Kummissjoni Ewropea dawn in-negozji qalulha eżatt l-oppost. Fil-fatt, il-maġġoranza tal-operaturi fil-qasam tas-servizzi sostnew li għandhom aspettattivi aħjar għax-xhur li ġejjin, minkejja li ġa marru tajjeb fix-xhur li għaddew. Għalhekk, aktar minn 46% tal-kumpaniji qed ibassru li se jkomplu jżidu l-ħaddiema fix-xhur li ġejjin.
Fil-qasam tar-retail, maġġoranza ta’ 15% tal-operaturi indikaw li raw żieda fil-bejgħ u għalhekk ser iżidu l-impjiegi. Fl-industrija, maġġoranza ta’ 44% tal-kumpaniji qed ibassru titjib fil-produzzjoni, u għalhekk qalu li ser iżidu l-ħaddiema fit-tliet xhur li ġejjin. Fil-fatt, dawn il-fabbriki qalu li għandhom diġà ordnijiet għal erba’ xhur sħaħ ta’ produzzjoni.
Fil-qasam tal-kostruzzjoni, maġġoranza ta’ 35% tal-operaturi ser ifittxu li jħaddmu aktar nies. Fil-fatt, in-negozji tal-kostruzzjoni irrapportaw lill-Kummissjoni Ewropea li għandhom xogħol b’lura għal seba’ xhur.
Fost il-familji, il-livell ta’ ottimiżmu kien ukoll ferm għoli. Il-familji f’pajjiżna baqgħu fost il-ftit fl-Ewropa li qed jgħidu li l-qagħda finanzjarja tagħhom ser titjieb. Maġġoranza ta’ 28% jħossu li l-ekonomija se tkompli tikber u qed jistennew li l-qgħad ser ikompli jonqos. Filwaqt li madwar l-UE jeżisti pessimiżmu fost il-konsumaturi, maġġoranza ta’ 26% ta’ dawk intervistati f’Malta qalu li bħalissa qegħdin f’pożizzjoni li jagħmlu akkwisti relattivament kbar, grazzi għall-qagħda finanzjarja tajba tagħhom. Dan huwa l-ogħla proporzjon osservat madwar l-UE.
Ir-riżultati tal-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea juru kemm jeżisti sens ta’ ottimiżmu qawwi mingħajr preċedent fost il-familji u n-negozji f’pajjiżna. Dan jirrifletti l-fiduċja kbira li jgawdi l-programm ta’ ħidma tal-Gvern, minkejja n-negattività tal-Oppożizzjoni. Fix-xhur li ġejjin, bit-twettiq ta’ dan il-pjan, pajjiżna ser ikompli jitpoġġa fuq sisien sodi għall-futur.