Kumpaniji u familji fir-Renju Unit qed jittamaw li l-Gvern Ingliż iżomm l-għajnuna li qed jagħti fl-enerġija biex mix-xahar id-dieħel, il-ħlas fil-kontijiet tad-dawl flok jitla’ għal £3,000 fis-sena jibqa’ ta’ £2,500.
Kelliem għat-Teżor Ingliż għadu ma kkummentax iżda l-Gvern tal-Prim Ministru Ingliż Rishi Sunak qed jirrevedi l-għajnuna li qed jagħti fuq l-enerġija.
Il-Gvern Ingliż mistenni wkoll ineħħi skont ta’ £400 li qed jagħti fix-xitwa biex il-familji jsaħħnu djarhom.
Minn analiżi li għamlet il-midja Ingliża jidher li riżultat tat-tneħħija tal-għajnuna fl-enerġija fir-Renju Unit mal-1.7 miljun familja iżjed jistgħu jsibuha diffiċli jifilħu jħallsu l-kontijiet tal-enerġija.
Jidher li l-kumment tal-Kanċillier Jeremy Hunt, li huwa l-ekwivalenti ta’ Ministru għall-Finanzi fir-Renju Unit, qed ikomplu jżidu l-inċertezza għalkemm osservaturi politiċi qed jgħidu li l-Gvern Ingliż ma jistax jaqbad u jaqta’ ħesrem l-għajnuna.