F’dawn il-ġranet u ġimgħat għadd ta’ żgħażagħ ikunu qiegħdin jiġbru iktar informazzjoni dwar l-karrieri li jistgħu jaqbdu – hekk kif wara li jirċievu ir-riżultati tal-eżamijiet ikunu jistgħu jinkitbu għall-korsijiet fl-istituzzjonijiet edukattivi – inkluż l-MCAST.
Qasam li qiegħed jiġbed ċertu attenzjoni huwa dak tal-avjazzjoni – speċifikament l-ħidma fuq it-tiswija u l-manutenzjoni tal-ajruplani.
It-terminu tekniku huwa MRO – maintenance, repair and overhaul u jinkludi fih xogħol ta’ tibdil tal-faċilitajiet tal-ajruplan minn ġewwa, aġġornar għal sistemi ġodda li jkomplu jiggarantixxu is-sigurtà tal-passiġġieri, sa spray painting u xogħol fuq il-magni u komponenti varji inkluż dawk elettroniċi.
F’Malta għadna kumpaniji globali fejn mill-uffiċini u hangars kbar li qegħdin mal-ajruport internazzjonali tagħna jservu lil din l-industrija. Kważi kollha kemm huma għadhom kif kabbru l-operat biex jaqdu bl-aħjar mod il-klijenti tagħhom – lkoll ġganti kbar tal-avjazzjoni. Għalhekk il-bżonn ta iktar ħaddiema mħarrġa dejjem qed jiżdied.
Quddiem dan kollu l-Ministeri tal-Intrapriża u l-Edukazzjoni ġew flimkien u permezz tal-Malta Enterprise u l-MCAST qed jmexxu dan il-messaġġ bil-kampanja ‘chooseaviation’.
Tkellmna mas-Sur Stephen Sammut mill-MCAST dwar din il-kampanja.
Qal, “Għas-settur tal-avjazzjoni, fejn jidħol manutenzzjoni tal-avjazzjoni aħna noffru diversi korsijiet fosthom fl-livell 3 u livell 4. Livell 3 ikunu aktar bażiċi għal minn irrid jitgħallem il-ħiliet bażiċi bħal operazzjoni tal-istruttura. Livell 4 iwassal għal iktar kwalifkazzjoni avvanzata li wieħed jista’ jaħdem fuq kull operazzjoni tal-ajruplan”.
Il-linja tat-tekniċi tal-avjazzjoni għandha tinteressa lil nisa w irgiel li għandom ħiliet fil-mekkanika, iżda wkoll lil dawk li jixtiequ jdawwru l-passjoni li għandhom għall-ajruplani f’karriera. Karriera li tista’ tagħtihom sodisfazzjon u esperjenzi mill-aqwa.
Is-Sur Sammut tkellem dwar żgħażagħ Maltin li bdew minn fuq il-lant tax-xogħol fil-hangars u li issa numru ta snin wara irnexxielhom jikbru u jimirħu. Wħud minnhom marru ħadu esperjenzi barra u ġew lura fejn saħansitra hemm min qiegħed fuq l-għola livelli tat-tmexxija tal-kumpaniji f’Malta.
Stqarr, “Dawk li huma tal-manutenzjoni tal-ajruplani, dawn qed jinvestu, anke għandhom ordnijiet għaddejjin, jekk tmorru ġewwa l-hangers tagħhom, tarahom mimlijin ajruplani. Jidher ukoll li wara l-Covid kulħadd jixtieq isiefer allura hemm aktar pressjoni fuq l-ajruplani u iktar ikun hemm manutenzjoni.”
Għaldaqstant l-appell huwa sabiex dawk li jixtiequ jsiru jafu iktar jagħmlu kuntatt mal-MCAST fejn imbgħad wieħed jista’ wkoll jirreġistra għal korsijiet għat-teknici tal-ajruplani fuq mcast.edu.mt.