Il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà nediet kampanja ta’ għarfien bil-għan li toħloq aktar kuxjenza dwar id-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa.
Matul il-konferenza tnieda filmat li juri l-fatturi diretti u indiretti li qegħdin jikkontribwixxu għad-distakk bejn il-pagi tal-irġiel u nisa’ f’Malta. Il-Fondazzjoni qalet li d-distakk huwa ta’ ħdax fil-mija, jiġifieri li għal kull ewro li jaqla’ raġel, mara ddaħħal 89ċ għall-istess xogħol. Skont ċifri Ewropej, in-nisa fil-pajjiżi tal-Unjoni Eropea jaqilgħu 16% inqas mill-irġiel.
Fatturi li jwasslu għal dan id-distakk fil-pagi jinkludu r-responsabbilitajiet tal-familji, nisa li jkollhom jaħdmu inqas jew part-time.
Fl-indirizz tagħha l-President Marie Louise Coleiro Preca spjegat kif dan il-filmat sar sabiex jgħin jimbotta lis-socjetà Maltija favur iktar ugwaljanza:
“Mhux qed nitkellmu fuq l-equal pay għax l-equal pay hija leġiżlata f’dan il-pajjiż. Qed nitkellmu issa fuq il-Gender Pay Gap. Hemm differenza bejn il-pagi tan-nisa u l-irġiel mhux f’termini ta’ meta tħares lejn paga u paga imma l-proċess ta’ ħajja fix-xogħol”.
Madankollu l-President tenniet li hemm pjani sabiex tonqos id-diskrepanza bejn il-pagi sabiex b’hekk għal darb’oħra bħala pajjiż Malta terġa’ tkun minn ta’ quddiem nett li jilleġiżla favur l-ugwaljanza:
“Riċentament il-Kummisarju tal-Ugwaljanza xi ftit ġranet ilu kienet qalet ukoll li din kienet se tkun waħda mill-inizjattivi tagħha. Jien inħeġġeġ biex kemm jista’ jkun pajjiżna bħall-Iżlanda, l-Iżlanda kienet l-ewwel pajjiż li jilleġiżla fuq il-Gender Pay Gap u pajjiżna li huwa fuq quddiem nett fuq ħafna drittijiet allura nkunu fuq quddiem biex ikollna l-leġislazzjoni in place biex ma jkollnix ħafna diskrepanza”.
Id-direttur tal-Kumpanija V Squared Media Rachel Cachia spjegat kif ħasset l-importanza li bi ftit impenn min-naħa tal-kumpanija tagħha tħejji dan il-filmat biex tgħin tkabbar l-għarfien dwar dan is-suġġett.
Intant waqt id-diskussjoni Francesca Fenech Conti, attivista ghad-drittijiet tan-nisa u l-fundatur tal-grupp “Women for Women” qalet li kumpaniji jridu jkunu mħeġġa iktar sabiex jaħdmu favur l-ugwaljanza.