Għall-ewwel darba f’pajjiżna se jkunu rikonoxxuti l-isforzi t’intrapriżi Maltin li joperaw fi swieq barranin.
Negozjanti jew kumpaniji li jistabbilixxu n-negozju jew fergħa barra minn xtutna jew anka jesportaw il-prodott jew servizz tagħhom jistgħu jipparteċipaw fl-ewwel edizzjoni tal-Malta International Business Awards.
L-awards, li se jittellgħu minn Trade Malta, qed isiru taħt il-kappa tal-uffiċċju tal-Prim Ministru u tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, jingħaqdu fl-istrateġija tal-gvern biex iktar kumpaniji lokali jidħlu fi swieq barranin.
Tant, illi l-Ministru Carmelo Abela stqarr li dawn l-unuri tfasslu biex isaħħu l-viżibilità u l-kredibilita tal-intrapriżi li jagħmluha għall-fażi finali kemm fuq il-pjattaforma lokali u kif ukoll internazzjonali.
B’kollox se jingħataw seba’ unuri – L-unur tal-aqwa esportatur tas-Sena ta’ kumpanija zgħira, ta’ kumpanija medja u ta’ kumpanija kbira. L-unur għall-aqwa kumpanija li esportat f’suq emerġenti, l-iktar intrapriża li investiet fl-innovazzjoni, l-iktar esportatur b’potenzjal tas-sena u l-aqwa esportatur ġenerali tas-sena.
Abela sostna li din hi inizjattiva li tqawwi wkoll il-moral ta’ intraprendituri żgħażagħ li jħarsu li joperaw fi swieq barranin anka mhux tradizzjonali.
Ic-Chairman ta’ Trade Malta, David Curmi, stqarr li l-applikazzjonijiet se jkunu aġġudikati minn ġurija indipendenti, iżda wissa’ li r-regoli se jkunu stretti. Dan sabiex jirriflettu d-dixxiplina li l-kumpaniji lokali jeħtieġ li jkollhom biex jidħlu fis-swieq ġodda.
Curmi faħħar ukoll id-deċizjoni li l-Promozzjoni tal-Kummerċ waqgħet taħt il-kappa tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, għaliex issa tista’ tintuża aħjar il-pjattaforma diplomatika ma’ pajjiżi barranin għal skopijiet kummerċjali.
Intant, Trade Malta se tieħu għoxrin intrapriża l-Ghana fl-aħħar tax-xahar biex ikunu esplorati opportunitajiet ta’ kummerċ f’ din l-ekonomija emerġenti.