Għadd ta’ kumpanija Maltin ġew iffrodati bejniethom madwar miljun ewro minn kriminali barranin permezz ta’ sistema ta’ frodi magħruf bħala CEO FRAUD.
Dan il-fenomenu qed jieħu post il-kriminalità tradizzjonali marbuta ma’ frodi bħall-użu ta’ flus foloz.
Ma’ ONE NEWS, l-Ispettur Yvonne Farrugia mill-iskwadra ta’ kontra l-frodi qalet li fl-aħħar tliet snin il-Pulizija Maltija rat żieda fir-rapporti li għamlu n-negozji u individwi b’rabta ma’ din it-titp ta’ frodi li permezz tiegħu, il-kriminali jinħbew wara identità ta’ persuna oħra sabiex jisirqu l-flus.
L-Ispettur żiedet tgħid li din is-sena hija l-aktar waħda li fiha n-negozji ngidmu minn dan it-tip ta’ frodi bl-ammont ta’ flus li ntilfu mill-ekonomija Maltija u marru fi bwiet il-kriminali, ilaħħaq iżjed minn miljun ewro.
L-Ispettur Farrugia tispjega li dan il-frodi jista’ jsir b’żewġ metodi fejn il-ħalliel jibdel l-identità tiegħu wara li jkun daħal u studja s-sistema tal-kumpanija.