Il-prezzijiet tal-enerġija fil-Ġermanja tant huma għoljin li qed iwasslu biex kumpaniji jikkunsidraw li jitilqu kompletament mill-pajjiż.
Dan intqal mill-Kap tal-Federezzjoni Industrijali Ġermaniża, Siegfried Russwurm (SIG-FRID – RUSS-VURM), f’intervista mas-sit tal-aħbarijiet Amerikan, CNBC.
Huwa qal li ħafna min-negozji Ġermaniżi qed ikollhom riżultati aħjar fil-livell globali milli f’pajjiżhom stess, fejn qed iħabbtu wiċċhom ma’ dawn il-prezzijiet tal-enerġija.
Huwa qal li, b’dawn il-prezzijiet tal-enerġija, il-kumpaniji qed ikollhom jaffaċċjaw pressjonijiet addizzjonali.
Din il-kriżi tal-enerġija bdiet is-sena l-oħra kawża tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna, li wasslet għal żieda kbira fil-prezzijiet tal-enerġija.
Il-Ġermanja għaddejja minn din il-kriżi tal-enerġija flimkien ma’ pajjiżi oħra Ewropej, li qabel il-gwerra fl-Ukrajna dawn il-pajjiżi kienu dipendenti fuq il-gass mir-Russja.
Is-sanzjonijiet tal-Unjoni Ewropea kontra Moska wasslu biex ir-Russja bdiet tnaqqas il-provvista tal-gass għall-enerġija u din iż-żieda fid-domanda u n-nuqqas fil-provvista wasslu għall-żieda qawwija.
Ix-xahar li għadda, sena sħiħa wara li bdiet din il-kriżi, il-gvern Ġermaniż ħabbar pjan ta’ madwar €4 biljun kull sena sabiex jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija għan-negozji f’dan il-pajjiż.
Dan l-akbar Stat membru tal-Unjoni Ewropea qed jaffaċċja wkoll riċessjoni fl-ekonomija tiegħu, hekk kif il-Prodott Gross Domestiku niżel taħt iż-żero, waqt li l-medja tat-tkabbir ekonomiku hija inqas minn tlieta fil-mija.