Sitt kumpaniji Ingliżi fid-distribuzzjoni tal-ilma fl-Ingilterra qed jiffaċċjaw azzjoni legali, b’rabta ma’ allegazzjonijiet li naqsu milli jirrapportaw tniġġis li kkawżaw huma stess u b’konsegwenza ta’ dan ukoll għollew il-prezzijiet għall-konsumaturi tagħhom.
Il-Professur Carolyn Roberts, ambjentalista u konsulent fuq l-ilma, qalet li se tressaq kawżi quddiem it-Tribunal tal-Appell tal-Kompetizzjoni, fejn se jintalab kumpens ta’ aktar minn 800 miljun sterlina.
Il-kawżi kontra l-kumpaniji, li jipprovdu servizzi lil madwar 20 miljun konsumatur fil-pajjiż, waslu wara ilmenti minn dimostranti li x-Xmara Severn hi l-aktar imniġġsa fir-Renju Unit. Hu stmat li drenaġġ ġie ppompjat fix-Xmara f’2,600 okkażjoni separata fl-2021.