Kumpaniji Ġermaniżi tal-manifattura qed iwaqqfu l-produzzjoni tagħhom fid-dawl taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija kkawżata mill-gwerra li qed tiddomina fl-Ukrajna. Żvela dan il-ġurnal The Financial Times, li kkwota lill-Ministru tal-Ekonomija Ġermaniż, Robert Habeck.
Habeck sostna li s-settur tal-industrija fil-Ġermanja ħadem qatigħ sabiex inaqqas il-konsum tal-gass fl-aħħar xhur. Madankollu, numru ta’ kumpaniji waqqfu kompletament il-produzzjoniji tagħhom. Huwa ddeskriva din is-sitwazzjoni bħala waħda allarmanti.
Habeck sostna dan hekk kif ir-Russja, permezz tal-kumpanija tal-gass tal-Istat, il-Gazprom, waqqfet il-provvista tal-gass lejn l-Ewropa permezz tal-pipeline Nord Stream 1 minħabba li qalet li jridu jsiru xi tiswijiet fuq tlett ijiem.
Mill-pipeline Nord Stream 1 jgħaddi madwar terz tal-provvista tal-gass mir-Russja lejn l-Ewropa.
Il-kummenti ta’ Habeck ikomplu ma’ dawk ta’ Siegfried Russwurm, li huwa l-kap tal-lobby Ġermaniż għan-negozju.
Russwurm sostna li l-konsum tal-gass fl-industrija Ġermaniża naqas b’21 fil-mija meta mqabbel ma’ Lulju tas-sena li għaddiet. Fl-istess waqt, il-prezz tal-elettriku għas-sena 2023 tela’ għal aktar minn €700 għal kull megawatt fis-siegħa: ċifra li taqbeż il-livelli tal-aħħar snin b’aktar minn ħmistax-il darba.
Russworm irrimarka wkoll li din is-sitwazzjoni hija jew tista’ tkun waħda tossika mhux biss minħabba n-nuqqas tal-gass iżda anke minħabba ż-żidiet drastiċi fil-prezzijiet.
Dan is-sentiment negattiv fil-Ġermanja ġie rifless ukoll fi studju li sar fost 9,000 kumpanija u li juri kif il-fiduċja tan-negozjanti fil-qasam tal-industrija reġa’ naqas għat-tielet xahar konsekuttiv. Fil-fatt, dan jinsab fl-aktar livell baxx għal aktar minn sentejn. Studju separat juri wkoll kif 73 fil-mija tal-kumpaniji qed jesperjenzaw diffikultajiet kbar minħabba l-prezzijiet tal-enerġija filwaqt li 10 fil-mija jgħidu li l-kumpanija tinsab f’risku ta’ falliment fix-xhur li ġejjin.
Il-Financial Times tirrapporta wkoll li s-settur tan-negozju fil-Ġermanja jinsab partikolarment diżappuntat bin-nuqqas ta’ azzjoni tal-Gvern li jipprovdi miżuri ta’ għajnuna biex jgħinu jtaffu l-piż taż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija.
Dan għal kuntrarju ta’ dak li qed jiġri f’pajjiżna, bil-Gvern jerfa’ hu l-piżjiet taż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija biex b’hekk il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin ma kellhom iġarrbu l-ebda żieda.
Fil-fatt, ċifri uffiċjali tal-Gvern u li żvela ONE News fl-aħħar jiem juru li l-familji Maltin u Għawdxin bħalissa, bl-għajnuna tal-Gvern, qed jiffrankaw mill-inqas €1,700 fis-sena f’żidiet fil-prezzijiet tal-elettriku, tal-fjuwils, u taċ-ċilindri tal-gass.