Il-kumpanija C&C Express, li hi kumpanija bi snin ta’ esperjenza fil-ġarr tal-merkanzija u loġistika, implimentat proġett parzjalment kofinanzjat minn fondi Ewropej, li permezz tiegħu żiedet l-effiċjenza ta’ kuljum tal-operat tagħha.
Permezz ta’ dawn il-fondi l-kumpanija qed tespandi l-firxa ta’ servizzi tagħha u saret aktar reżiljenti biex tiffaċċja sfidi ġodda fl-industrija fis-snin li ġejjin.
Dan tħabbar fi stqarrija tal-Gvern fejn ġie spjegat li permezz ta’ dan il-proġett, C&C Express Ltd, investit f’Dual X Ray Machine, sistema ta’ conveyor u magna EDT, li permezz tagħhom qed timminimizza ħafna l-ħin tat-tqandil u l-ipproċessar manwali, biex tqassar il-ħinijiet tal-kunsinja, u biex iżżid il-cut-off time.
Dan il-proġett se jippermetti wkoll lill-kumpanija tipprovdi servizzi ġodda, bħall-ġarr bil-baħar ta’ oġġetti perikolużi u vjaġġi b’temperatura kkontrollata.
Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri qal li permezz tal-fondi Ewropej qed ngħinu lill-industrija timxi aktar lejn id-diġitalizzazzjoni u l-awtomazzjoni.
Tenna kif it-teknoloġija u l-innovazzjoni qed jgħinu u jiffaċilitaw il-ħajja f’setturi ekonomiċi diversi u b’hekk tista’ tiżdied l-effiċjenza u jkun hemm tkabbir fil-produttività tagħna bħala pajjiż.
Minn naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li din il-kumpanija hija prova ċara ta’ kif il-fondi Ewropej qegħdin iwettqu differenza pożittiva u tanġibbli fl-operat tal-benefiċjarji tagħhom.
Tenna kif l-għajnuna finanzjarja pprovduta mill-iskema Business Enhance, tat lil din il-kumpanija, il-kuraġġ biex jagħmlu il-bidliet meħtieġa, bidliet li anke lin-negozji biex jagħmlu.