Kumpanija “world leader” tal-gaming tefgħet l-applikazzjoni biex tirriloka l-operat tagħha f’Malta, dan flimkien ma żewġ kumpaniji oħra ta’ fama internazzjonali fil-gaming li bħalissa għaddejjin it-taħdidiet magħhom biex ukoll jibdew joperaw minn pajjiżna.
Dan ħabbru l-Prim Ministru Joseph Muscat b’reazzjoni għall-istatistika maħruġa mill-Awtorità tal-gaming f’Malta, l-MGA, li l-applikazzjonijiet għall-liċenzji biex kumpaniji tal-gaming joperaw f’pajjiżna żdiedu b’79%. Żdiedu ukoll b’33% l-applikazzjonijiet għal liċenzji ġodda bejn Jannar u April 2017 meta kkumparat mal-istess perjodu fl-2016.
Il-Prim Ministru tenna li huwa ta’ sodisfazzjon li meta ħaddieħor qed ibeżża’ dwar is-settur tal-gaming f’pajjiżna li qed ikompli jikber bla preċedent, il-Gvern qed jagħlaq dawn it-taħdidiet li se jwasslu għal tliet kumpaniji “world leaders” fil-gaming f’Malta. Id-dettalji ta’ dawn il-kumpaniji se jkunu qed jitħabbru la darba t-taħdidiet ikunu konklużi.