Minn l-aħħar sena ta’ amminsitrazzjoni Nazzjonalista għal-lum il-ġurnata, l-ammont ta’ uffiċjali dedikati biex jinfurzaw liġijiet relatati max-xogħol bil-għan li jiġi miġġieled il-prekarjat, żdied.
Dan ħabbru l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru fil-Parlament waqt id-diskors tiegħu dwar l-estimi għall-budget allokat lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru għas-sena li ġejja.
Qal, “Filli kellna erbgħa, biss, illum għandna disgħa uffiċjali tal-compliance. Magħhom hemm żewġ managers tal-compliance u għandna wkoll wieħed li huwa senio manager, compliance. Altru, milli mhux qed nipprovaw nagħmlu l-almu tagħna biex aħna nsaħħu l-ġlieda kontra l-prekarjat, biex aħna nsaħħu l-ħidma tagħna bħala dipartiment u bħala Gvern li aħna naraw li l-postijiet tax-xogħol ikollhom id-drittijiet tagħhom imħarsa, il-ħaddiema tagħna.”
Il-Ministru Abela għamel referenza għal dawk li jwasslu l-ikel u jirriżulta li f’investigazzjoni li saret mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi, minn għaxar kumpaniji, hija kumpanija waħda biss li s’issa għadha mhijiex konformi mal-liġi kif suppost.
Waqt l-istess seduta tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, li spjega kif parti essenzjali mis-somma ta’ mija, tlieta u disgħin miljun ewro ser jiġu dedikati għall-iżvilupp tal-ħiliet tal-ħaddiema.
Qal, “Irridu ngħinu mhux biss lill-ħaddiema li qegħdin fil-post tax-xogħol biex jiksbu l-ħiliet il-ġodda li huma meħtieġa għaż-żmien illi ġej imma rridu nkomplu nassiguraw illi ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin nagħtuhom il-ħiliet kollha meħtieġa biex jegħlbu kull forma ta’ impediment li jista’ jkun hemm biex dawn jidħlu fid-dinja tax-xogħol.”
Fil-Parlament is-Segretarju Parlamentari ta rendikont ta’ diversi fondi Ewropej li tqassmu lil diversi Ministeri tal-Gvern biex tissaħħaħ l-infrastruttura tal-pajjiż.
Fost oħrajn semma’ l-binjiet ġodda li qed jinbnew fl-MCAST u l-Università ta’ Malta u ċ-ċentru tas-Saħħa Ċensu Moran f’Raħal Ġdid.
Huwa ħabbar ukoll li fil-jiem li ġejjin ser jiġi inawgurat reserve osmosis ġdid fil-gżira Għawdxija.