Lukanda f’Wied il-Għajn ressqet protest ġudizzjarju kontra l-kumpanija Torka tal-kostruzzjoni TACA wara li din ma ħalsitx għall-ikel u l-akkomodazzjoni li offriet lill-ħaddiema. Qed ikun irrappurtat li l-ispejjeż jaqbżu l-kwart ta’ miljun ewro.
TACA hija wkoll waħda min-numru ta’ kumpaniji privati oħra li kienet wieġbet għal sejħa dwar l-iżvilupp mill-ġdid tal-lukanda Fortina f’Tas-Sliema, u l-proġett ta’ City Centre tad-DB f’San Ġiljan.
Ġimgħat ilu, sar magħruf ukoll li TACA allegatament żammet lil bosta ħaddiema Torok f’binjiet prifabbrikati f’barrieri apposta, u li fl-istess ħin naqset milli tħallas mat-tmenin ħaddiem għal xogħlu. Eventwalment, il-kumpanija mexxiet dawn il-ħaddiema fil-lukanda Cerviola f’Wied il-Għajn.
Issa t-tmexxija tal-lukanda qalet fil-Qorti li TACA għandha tnejn u għoxrin kont differenti b’kollox xi tħallasm li b’kollox jammontaw għal mitejn u ħamsin elf, mitejn, disgħa u tmenin ewro. Dawn jinkludu servizzi ta’ akkomodazzjoni, ikel u xorb, u servizzi oħra.
Id-Direttur Maniġerjali tal-Lukanda, Alexio Borg, qal li l-lukanda bagħtet notifika tal-ħlas lill-kumpanija, iżda TACA qatt ma onorat il-ftehim tal-ħlas wara li qalet li tinsab f’diffikultajiet ma’ bosta klijenti.
Issa l-Qorti qed tkun mitluba tiddeċiedi l-każ urġenti.
Aktar kmieni din is-sena, il-lukanda Fortina, li wkoll kienet klijent ewlieni tal-kumpanija, qattgħet il-karti minn mal-kumpanija Torka wara falliment fit-taħdidiet dwar l-iżvilupp f’Tignè. B’rabta ma’ dan il-każ il-ħaddiema kienu waqfu jaħdmu u anke għamlu strajk tal-ġuħ minħabba li kienu ilhom madwar ħames xhur ma jitħallsu.