Il-Gvern qed jagħti appoġġ sħiħ lis-settur tan-negozji tal-familji Maltin, li huwa reżiljenti fl-ekonomija Maltija, li anke f’nofs pandemija qed jirnexxilhom iżommu posthom fin-negozju u f’xi każi anke jkomplu bl-investiment għal tkabbir.
Dan kien il-messaġġ tal-Ministru għall-Ekonomija u Industrija Silvio Schembri waqt li kien qed iżur l-investimenti fil-fabbrika tal-għamara lokali Grixti Mobili, li ilha topera f’Malta għal 46 sena.
Il-Ministru Schembri qal kif is-settur tan-negozji tal-familji Maltin hu magħruf għall-kwalità tal-prodott u s-servizz tal-ogħla livell li joffri, sabiex qed jirnexxielu jsaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tiegħu, anke ma’ kompetituri internazzjonali.
B’investiment ta’ €1.2 miljun f’perjodu ta’ tliet snin, it-tmexxija tal-kumpanija mmexxija mill-aħwa Grixti, espandiet il-faċilitajiet tagħha, grazzi għall-assistenza offruta għal tkabbir fl-ispazju milll-entita’ tal-Gvern INDIS Malta.
€700,000 minn dan l-investiment, sar f’apparat teknoloġiku modern li wassal lill-kumpanija sabiex tibda topera permezz tal-‘automation’ għal prodott tal-ogħla kwalità, f’inqas ħin u maħdum b’inqas tbatija għall-ħaddiema.
B’hekk qed jirnexxilhom ilaħħqu maż-żieda tad-domanda li qed jesperjenzaw mis-suq lokali, b’mod partikolari f’dawn l-aħħar xhur, fil-qasam ta’ disinji ‘tailor-made’ tal-għamara fid-djar.