Permezz ta’ għajnuna minn fondi mogħtija mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, kumpanija Maltija bl-isem ta’ Silvercraft Products setgħet tara li jiġi żviluppat makkinarju li jimmanifattura prodott li sal-lum għadu ma jeżistix.
Dan ser ikun possibbli ukoll grazzi għall-ħidma konġunta li qed issir mill-Fakultà tal-inġinerija fi ħdan l-Università ta’ Malta.
Etienne Scerri, rappreżentant ta’ Silvercraft Products spjega li l-kumpanija bdiet bħala waħda li tibni d-dgħajjes u llum hija waħda mill-kumpaniji ta’ manifattura fil-fibreglass ewlenin li taqdi l-industriji diversi, fosthom dik tal-kostruzzjoni.
Spjega kif il-proġett jinvolvi l-manifattura t’arbli kbar tal-fibreglass u li b’hekk se jkun pass ’il quddiem fl-industrija marittima.
Qal, “Huwa proġett li kien ilu f’moħħi għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena. Mill-familjarji tiegħi. U grazzi għal dawn il-fondi li stajna naċċessaw seta ikun possibli biex noħolqu dan il-prototip.”
Il-Professur Duncan Camilleri fi ħdan id-Dipartiment tal-Inġinerija Mekkanika fl-Università ta’ Malta, faħħar il-kollaborazzjoni u l-għajnuna li ngħataw minn fondi mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija fejn stqarr, li dan il-proġett seta’ jitwettaq permezz ta’ din l-għajnuna.
Spjega, “Irnexxielna noħorġu prodott li nkunu nistgħu nagħmlu poles ikbar minn 20 metru illi ma jeżistix fis-suq dan.”
Waqt żjara li għamel għand il-kumpanija, il-Ministru għall-Innovazzjoni Owen Bonnici spjega kif l-innovvazzjoni u riċerka huma l-muturi li jmexxu lil pajjiżna u l-bqija tal-Ewropa lejn il-futur.
Qal, “Kumpanija Maltija li hija speċjalizzata fil-fibre class li irnexxielha b’fondi tal-MCST u b’kollaborazzjoni mal-Università toħloq prodott ġdid fejn jidħol il-GRP poles illi huwa xi ħaġa innovativa mhux biss f’Malta imma anke fil-bqija tad-dinja.”