Enemalta plc qed tkompli għaddejja biż-żarmar tal-impjanti antiki li jaħdmu bil-heavy fuel oil f’Marsa u f’Marsaxlokk, bħala parti mit-trasformazzjoni għal taħlita ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku aktar effiċjenti u aktar nadifa.
Fil-jiem li għaddew, il-Kumpanija, bl-għajnuna tal-awtoritajiet relatati tal-Gvern ta’ Malta, lestiet il-proċess tal-għażla ta’ kuntrattur internazzjonali biex iżarma l-impjant tal-1992 f’Delimara, li jinkludi wkoll iċ-ċumnija ta’ 150 metru li tikkaratterizza lil dan l-istazzjon.
Permezz ta’ proċess li tmexxa bl-akbar reqqa, l-offerta tal-kumpanija Taljana General Smontaggi ġiet rakkomndata bħala l-aħjar waħda għal dan ix-xogħol.
Fi stqarrija, l-Enemalta spejagat li l-proċess kien konkluż hekk kif skada l-perjodu tal-appell u l-awtoritajiet kompetenti kkonfermaw li ħadd minn dawk li tefgħu l-offerta ma rreġistraw xi lment jew talba biex ir-rakkomandazzjoni tiġi meqjusa mill-ġdid.
Ġie spjegat li meta aktar kmieni f’Diċembru ġie identifikat il-kuntrattur bl-aħjar offerta, il-Kumpaniji kollha li ħadu sehem f’dan il-proċess ġew mgħarrfa li kellhom 20 jum biex jirreġistraw xi oġġezzjoni jew xi appell ieħor. Ħadd mit-tmien kumpaniji li ħadu sehem f’dan il-proċess ma rreġistra xi oġġezzjoni u għalhekk il-kuntrattur bl-aħjar offerta ġie konfermat.
Enemalta plc ser tkompli għaddejja b’din il-ħidma hekk kif issa jridu jitlestew il-pjanijiet dettaljati taż-żarmar flimkien mal-kuntrattur magħżul. Il-kuntrattur irid iħejji diversi rapporti u pjanti dwar kif ser jitwettaq ix-xogħol u kif ser tiġi mħarsa s-saħħa tal-ħaddiema u s-sigurtà tal-istazzjon ta’ Delimara u l-inħawi.
L-Enemalta spjegat li dawn ir-rapporti jgħaddu għand l-awtoritajiet nazzjonali konċernati biex jifluhom u japprovawhom qabel ma jkun jista’ jibda x-xogħol ta’ twaqqigħ. Waqt il-proċess tal-għażla, dawk li tefgħu l-offerti ġew mitluba juru l-livell ta’ esperjenza li għandhom fiż-żarmar ta’ strutturi għoljin, biex ikun żgurat li dawn għandhom il-ħiliet meħtieġa biex iwaqqgħu iċ-ċumnija t-twila tal-impjant b’mod sikur.
L-istqarrija tgħid li l-kuntrattur magħżul għandu aktar minn 30 sena ta’ esperjenza fiż-żarmar ta’ impjanti industrijali. Għandu flotta estensiva ta’ makkinarju għal dan it-tip ta’ xogħol u fost il-klijenti tiegħu hemm uħud mill-akbar kumpaniji tal-enerġija u tal-manifattura fl-Ewropa.
Inġiniera, periti u amministraturi tal-proġetti ta’ Enemalta plc ser ikunu qed isegwu x-xogħlijiet kollha biex jiżguraw li ż-żarmar u twaqqigħ ma’ jipperikolawx is-sigurtà ta’ tagħmir ieħor tal-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku li jinsab f’partijiet oħra tal-istazzjon.
It-twaqqigħ ta’ dan l-impjant ser jibda malli l-istazzjon il-ġdid Delimara 4 jaħdem bil-gass naturali jibda jopera, waqt li jitlesta x-xogħol biex l-impjant Delimara 3 jibda jaħdem bil-gass naturali minflok bil-HFO.
F’dan l-istadju, Enemalta jkollha l-kapaċità meħtieġa biex tipprovdi lill-pajjiż livell adekwat ta’ sigurtà ta’ provvista waqt li ttemm l-użu tal-HFO għall-ġenerazzjoni tal-elettriku. Din it-trasformazzjoni se twassal għal titjib kbir fil-kwalità tal-arja, tnaqqis fl-emissjonijiet li jwasslu għat-tibdil fil-klima u taħlita ta’ sorsi tal-ġenerazzjoni tal-elettriku effiċjenti li tiżgura li l-prezzijiet baxxi tal-enerġija ta’ bħalissa jinżammu b’mod sostenibbli u stabbli fis-snin li ġejjin.
Hekk kif l-impjanti li jaħdmu bil-gass naturali jibdew jipproduċu l-elettriku, Enemalta tkun tista’ wkoll tkompli bit-twaqqigħ tal-Marsa Power Station li partijiet minnha għadhom qed jinżammu cold standby biex jintużaw f’emerġenzi.
Sadanittant, matul l-ewwel xhur tal-2017 ser ikompli għaddej iż-żarmar ta’ dawk l-impjanti tal-Marsa Power Station li m’għadx hemm bżonnhom, fosthom l-impjanti numru wieħed sa 4, l-impjant numru 8 u l-apparat u ċ-ċmieni tagħhom.