Il-familja ta’ turist Franċiż maqtul fit-tiġrif ta’ ħajt f’villeġġjatura fis-Swieqi lura fl-2011 se jkunu qed jirċievu €1.1 miljun f’danni, b’deċiżjoni tal-Qorti li ngħatat il-Ġimgħa filgħodu.
Hawn il-Qorti ordnat lill-kumpanija tal-kostruzzjoni Buz-Dov Developments u ż-żewġ diretturi tagħha, James Mifsud u Gordon Farrugia, biex iħallsu d-danni lill-eredi ta’ Quentin Antoine Marie Michel ta’ 19-il sena.
Il-vittma kien miet taħt ħajt tas-sejjieħ ħdejn il-pixxina tal-villa li kienu qed joqogħdu fiha fis-Swieqi, li kien inkriet minn grupp ta’ żgħażagħ barranin 13-il sena ilu. Il-ħajt kien iġġarraf fuq Michel waqt li kien qed jippoża għal ritratt mal-ħajt, li jdawwar il-proprjetà.
Fl-2019, il-Qorti ddeċidiet li kien inħoloq “periklu gratwit” meta l-ħajt kien inbena, erba’ snin qabel l-inċident, mingħajr ma ttieħdu miżuri biex jiġi aċċertat li dak kien strutturalment sod. L-esperti tal-Qorti kienu rrapportaw li kien hemm biss “xamma” ta’ siment iżomm il-brikks flimkien u li l-ħajt tas-semi-basement kien imxaqqaq ħafna u mhux ankrat mal-blat ta’ warajh. Minħabba hekk, Mifsud, Farrugia u l-kumpanija nstabu ħatja ta ’omiċidju involontarju u ġew ikkundannati sentejn ħabs sospiżi għal erbgħa snin.
Fl-2015, il-familja Michel kienet fetħet ukoll kawża ċivili għad-danni kontra l-akkużati, fejn dawn attribwew negliġenza kontributorja min-naħa tal-vittma.
Fil-kalkolu tal-ammont li għandu jingħata f ’danni, l-imħallef qies il-fatt li Michel kien jaħdem iebes, u fl-istess ħin kien jaħdem tliet impjiegi part-time biex isalva, filwaqt li anke kien ppjana li jispeċjalizza fl-industrija tal-ospitalità wara li jtemm l-istudji tiegħu fl-iskola tan-negozju.
Fuq il-bażi tax-xhieda u tal-informazzjoni li kellhom, l-imħallef stabbilixxa li l-qligħ annwali potenzjali medju tiegħu kien ta’ €50,400, li ġie mmultiplikat għal 33 sena.
Is-sidien tal-villa nħelsu minn kull obbligu, bil-Qorti tordna lill-bqija tal-akkużati jħallsu lill-familja Michel €1,140,955 f’danni.