Fil-qalba ta’ Tas-Sliema ġew inawgurati kwartieri ġodda ta’ kumpanija tal-iGaming mifruxa fuq sitt sulari.
Dan l-investiment mistenni joħloq mija u ħamsin impjieg sal-aħħar tas-sena d-dieħla.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ PressEnter Group spjega kif il-kumpanija ilha taħdem f’Malta mill-elfejn u tmintax, u minn dak iż-żmien ’l hawn żiedet il-ħaddiema b’erba’ darbiet.
Ma’ dan l-istazzjon spjega kif il-kumpanija ħarset lejn ġurisdizzjonijiet differenti qabel iddeċidiet li tkompli tikber u tagħżel lil Malta bħala l-kwartieri ġenerali tagħha.
Fi kliemhom, it-talent li sabu f’pajjiżna huwa eċċezzjonali, saħansitra l-aqwa fl-industrija.
Huwa qalilna, “We did investigate a lot of different jurisdictions before we actually made the choice to grow in Malta but the talent pool, especially that’s centrilised on the island, is exceptional, I would say the best in the industry. That made us invest, coupled with the very great support system that we have, including the regulators at MGA.”
Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija, Silvio Schembri nnota kif ħamsa u għoxrin fil-mija tal-ħaddiema ta’ din il-kumpanija huma Maltin, u l-oħrajn ġejjin minn wieħed u għoxrin pajjiż ieħor.
Il-Ministru Schembri saħaq li dan jinkoraġġixxi lil Gvern sabiex jinvesti fl-edukazzjoni sabiex Malta tkabbar it-talent tagħha f’dan is-settur.
Il-Ministru semma wkoll il-ħidma li jiġu attirati lejn Malta intrapriżi kapitali biex isir investiment speċifiku fil-qasam ta’ żvilupp ta’ video games.
Schembri fakkar ukoll fil-viżjoni tal-Gvern, li jlesti lil Malta għall-ġenerazzjonijiet futuri u qal li l-Gvern kontinwament jaħdem biex jara li din l-istess viżjoni tmur id f’id mal-pjanijiet ta’ kumpaniji bħal PressEnter Group.
Huwa stqarr: “Illum inawguraw l-uffiċini tagħhom, binja ta’ sitt sulari ġewwa l-qalba ta’ Tas-Sliema. Apparti minn hekk ħabbru li ħa jkunu qed iżidu ’l fuq minn mija u ħamsin persuna fuq perjodu ta’ sena ta’ karrieri ġodda f’din l-industrija u allura dak hu l-messaġġ li ridna nagħtu; li bqajna għaddejjin bil-ħidma u nattiraw l-investiment ġewwa pajjiżna u dan huwa pajjiż li fadallu ħafna aktar żmien sabiħ quddiemu.”